Minn Jannar 2020, eluf ta’ pensjonanti u benefiċjarji soċjali bdew, jew ser jibdew, igawdu miż-żiedet u titjib li daħlu fis-seħħ bis-saħħa ta’ miżuri mħabbra fil-Baġit għal din is-sena.
Indirizza l-media dwar l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fejn sostna li lkoll nafu kemm kiber l-għarfien tas-solidarjetà soċjali f’Malta fid-dawl tal-introduzzjoni t’aktar benefiċċji soċjali ġodda u oħrajn li ssaħħew.
Il-Ministru Michael Falzon rrefera għaż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet u ż-żieda fir-rata tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.
Hu qal li l-ewwel żiedet tħallsu s-Sibt li għadda. Dawn kienu japplikaw għal dawk li jirċievu l-pensjoni tal-età mhux kontributorja li barra miż-żieda għall-għoli tal-ħajja rċievew iż-żieda ta’ €3.51 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.
Għal dawk miżżewġin, ir-rata telgħet għal €157.84 fil-ġimgħa, u għal dawk li jgħixu waħedhom ir-rata laħqet €125.07 fil-ġimgħa. Imqabbla mar-rati fis-seħħ fl-2013, ir-rati l-ġodda żdiedu bi kważi 24 fil-mija, b’ €24.20 għal dawk singoli u b’€29.74 għal dawk miżżewġa.
Il-Ministru Michael Falzon sostna li nhar is-Sibt 11 ta’ Jannar imbgħad ikun imiss il-pensjonanti tal-irtirar li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi u dawk li huma pensjonanti tas-servizz li se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom. Fl-istess ġurnata jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali.
Fil-11 ta’ Jannar ukoll jirċievu ż-żieda addizzjonali dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta’ 62 sena jew aktar, b’aktar minn 35 sena bolol. B’hekk dawn se jinġiebu l-istess bħal dawk li kienu jaħdmu fis-settur privat.
Il-pensjonanti romol se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar. Fl-istess ġurnata se jirċievu żieda ukoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna medika.
Fil-25 ta’ Jannar imbagħad ikun imiss il-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti fuq il-pensjoni minima li huma wkoll se jkunu qed jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar iż-żidiet fl-allowance tal-carers u fl-assistenzi għal diżabilità, fosthom għal dawk bl-Assistenza Miżjuda għal Diżablità Severa li l-benefiċċju tagħhom issa laħaq daqs il-Paga Minima Nazzjonali netta. Il-benefiċjari ta’ din l-assistenza, li jlaħħqu 650, fis-sena ser jitħallsu €8,393—li jfisser li f’4 snin jkunu żdiedu bi €3,120.
Pensjonanti tal-irtirar
Din il-ġimgħa ser jibdew jibbenefikaw dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali kif ukoll il-pensjonanti tal-irtirar li huma intitolati għall-pensjoni taż-żewġ terzi u dawk li huma pensjonanti tas-servizz li ser jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Irrid infakkar li din iż-żieda hija l-akbar waħda li qatt ingħataw pensjonanti f’40 sena.
Iż-żieda fil-pensjoni ta’ €3.51 hija t-tielet waħda fil-qafas tal-wegħda elettorali li nagħtu żieda ta’ mill-anqas €8 fil-ġimgħa tul din il-leġislatura. Biż-żieda l-ġdida diġà ser nkunu tajna b’kollox €7.68 fil-ġimgħa minbarra ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja, biex b’hekk prattikament kważi wettaqna l-wegħda elettorali.
Bis-saħħa ta’ dawn iż-żiedet flimkien maż-żiedet għall-għoli tal-ħajja li ngħataw mill-2014 ’l hawn persuni li jieħdu l-pensjoni taż-żewġ terż ser ikunu ħadu żieda ġlobali ta’ kważi €23 fil-ġimgħa fuq medda ta’ 7 snin.
Pensjonanti tas-servizz
Il-pensjonanti tas-servizz ser ikollhom ukoll titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali għax għal darb’oħra qed inżidu b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi njorat fl-evalwazzjoni tal-pensjoni kontributorja.
Barra minn hekk, għat-tieni sena dawk il-pensjonanti li jilħqu l-età ta’ 72 sena jkollhom reviżjoni oħra tal-pensjoni tagħhom għaliex minflok nofs l-ammont tal-pensjoni tas-servizz li kienet ġiet ikkommutata, kif kien isir qabel, issa qed jiġi njorat 75 fil-mija tal-ammont ikkommutat.
Minn din il-miżura daħlet fis-seħħ fl-2019 diġà gawdew 4,700 pensjonant, li barra arretrati fil-maġġoranza tagħhom ħadu żieda ta’ madwar €12 fil-ġimgħa.
Nhar is-Sibt ukoll ser tidħol fis-seħħ miżura gdida li tolqot impjegati fis-servizz jew settur pubbliku li minkejja li kellhom biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jirtiraw fl-età ta’ 61 sena jew laħqu l-età tal-irtirar bejn l-2016 u l-2018, għażlu li jkomplu fl-impjieg tagħhom mingħajr ma ħadu l-pensjoni għal mill-anqas sena.
B’din il-miżura dawn l-impjegati mhux ser jitilfu ż-żidiet perċentwali li akkumulaw fir-rata tal-pensjoni f’dawn is-snin għaliex ir-rata tal-pensjoni tagħhom issa ġiet aġġustata biex tkun tirrifletti ż-żidiet akkumulati. B’hekk dawn l-impjegati bdew jitqiesu l-istess bhal ħaddiema fis-settur privat li bdew igawdu minn din l-iskema mill-2016 meta daħlet fis-seħħ.
Romol
Fit-18 ta’ Jannar, barra il-ħlas lil dawk li qegħdin fuq l-Għajnuna Medika, ser imiss lil pensjonanti romol li jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom. Romol fuq pensjoni minima ser jibdew jitħallsu bir-rata ta’ €144.20 barra miż-żieda għall-għoli tal-ħajja. B’hekk il-ħlas totali tagħhom mill-2014 ser ikun żdiedet bi €31.92 fil-ġimgħa.
Irid insemmi wkoll li barra miż-żieda fil-pensjoni ta’ €7 fil-ġimgħa, dawk il-pensjonanti romol li għandhom tfal taħt it-18-il sena, ser jirċievu żieda oħra fl-allowance li tingħata għal kull wild dipendenti għax din l-allowance ser tiżdiedilhom għal €10 fil-ġimgħa. Minn dan se jibbenefikaw kemm romol li ma jaħdmux u wkoll dawk li jaħdmu li f’dan il-każ se jaraw żieda ta’ €5.46 fil-ġimgħa fuq kull wild.
Nistmaw li 650 armel jew armla li bejniethom għandhom madwar elf tifel u tifla ser igawdu minn dan it-tijib sinifikanti.
Biex nagħti eżempju ta’ x’jsarraf dan it-titjib, insemmi armla li taħdem u għandha tifel taħt it-18-il sena. B’kollox id-dħul tagħha ser jitla’ bi €12.50 fil-ġimgħa, u dan barra ż-żieda għall-ogħli tal-ħajja li ser tieħu mal-paga u l-ħlas tal-in-work benefit li hija ntitolata għalih.
Titjib ieħor għal setturi oħra ta’ pensjonanti
Tibdil ieħor li ser jidhol fis-seħħ dalwaqt jolqot persuni li kienu fil-korp tal-pulizija, fl-armata, fil-protezzjoni ċivili jew fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li sabu xogħol wara li spiċċaw mis-servizz. B’dan it-tibdil meta jirtiraw bl-età u ssir l-evalwazzjoni tal-pensjoni kontributorja, jekk ikun jaqblilhom ser jitqiesu wkoll is-snin ta’ meta kienu fis-servizz biex b’hekk ikunu jistgħu jgawdu minn rata ogħla ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali, jekk mhux fl-immedjat fil-futur.
Reviżjoni ta’ rata ta’ pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol
Fil-kuntest tal-pensjonijiet nixtieq naċċena wkoll għall-eżerċizzju li din is-sena jidħol fir-raba’ sena tiegħu biex pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol jiġu aġġustati f’sintonija ma’ titjib fil-pagi li jkun sar fi ftehim kollettiv għall-impjegati fis-servizz pubbliku, fis-settur pubbliku u dak privat.
Dan ix-xogħol qed isir skont kif titlob il-liġi, iżda li għal snin twal kien biss ristrett għal numru żgħir ta’ pensjonanti, l-aktar minħabba nuqqas ta’ finanzi u riżorsi umani.
Bil-liġi, ir-rata tal-pensjoni trid tkun aġġornata skont il-paga bażika kurrenti tal-grad li fih persuna tkun irtirat u għalhekk irid isir proċess biex issir reviżjoni skont iċ-ċaqlieq fl-iskali tal-pagi li jseħħu permess ta’ ftehim kollettiv ġodda.
Ħassejna li għandna nagħmlu ġustizzja sħiħa ma’ kulħadd u għalhekk fl-2017 tajna bidu għal dan l-eżerċizzju. Sal-2019 ġew miflija 70,000 każ abbażi ta’ 70 ftehim kollettiv. Dan wassal għal titjib fil-pensjonijiet speċjalment ta’ dawk il-persuni fuq rati baxxi jew medji, u tħallsu b’madwar 32 miljun ewro f’arretrati. Dawk il-pensjonanti li bbenefikaw kellhom titjib sostanzjali fir-rati tal-pensjoni tal-irtirar jew tar-romol tagħhom.
Pensjonanti tal-Invalidità
Fl-aħħar Sibt ta’ Jannar ser imiss lill-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti fuq il-pensjoni minima li huma wkoll jirċievu ż-żieda fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.
Fil-pensjoni tal-invalidità ser jidħol fis-seħħ titjib għal dawk il-persuni li jkunu ċċertifikati bl-ogħla punteġġ ta’ indeboliment mit-tobba. Lil min ikun ħallas il-bolol kollha se nibdew ukoll nagħtuh rata ta’ €161.40, cioè l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali netta. Lil min ikollu medja ta’ bolol anqas mill-massimu, ukoll se jiżdied iżda pro-rata.
Nefqa annwali
Biex inlaħħqu ma’ dawn iż-żidiet u titjib, in-nefqa fuq pensjonijiet kontributorji tal-invalidità, tal-irtirar u tar-romol flimkien ma’ dawk mhux kontributorji tal-età, din is-sena mistennija titla’ aktar minn 806 miljun ewro. Tliet kwarti minn din in-nefqa ser tkun allokata għal pensjonijiet tal-irtirar.
Imqabbla man-nefqa totali li kellna fl-2013, din turi qabża ta’ aktar minn 234 miljun ewro jew 40 fil-mija aktar.
Miżuri oħra għal 2020
Ta’ min jgħid li ż-żieda mħabbra fil-Baġit fl-ammont ta’ għajnuna supplimentari li jirċievu anzjani ta’ ’l fuq minn 65 sena li jinsabu f’riskju ta’ faqar diġà bdiet titħallas. Dan sar fil-pagament li rċevew l-anzjani qabel il-Milied, liema pagament kien ikopri l-ewwel tliet xhur tas-sena bil-quddiem.
Qed issir ħidma biex ikollu jidħlu fi-seħħ miżuri oħra, fosthom:
- Il-bonus ġdid ta’ €300 għall-ġenituri li jkollhom wild ġdid fil-familja
- Żidiet għall-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar fl-għotja li jirċievu
kull sena
- Ħlas tal-Għotja għall-anzjani li jgħixu fi djar privati għall-anzjani
- Żidiet għal dawk ta’ ’l fuq minn 75
sena li issa se jibqgħu jew jibdew jirċievu l-bonus annwali li jitħallas lil
dawk li kienu ħallsu xi bolol imma m’għandhomx pensjoni
- Għotja ta’ kontribuzzjonijiet akkreditati għal ġenturi bi tfal b’mard
rari
- Għajnujna għal min ibati mill-fibromyalgia jew ME jew għaddej minn
trattament għall-kanċer
KONKLUŻJONI
Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn il-miżuri flimkien ma’ riżultati pożitivvi fil-qasam tax-xogħol, nuqqas ta’ qgħad u anqas nies fuq benefiċċji soċjali, juru ħaġa waħda, illi dan il-pajjiż jinsab fid-direzzjoni t-tajba u fadallu ħafna aktar x’jikseb. Għalhekk il-poplu jixraqlu dan il-Gvern biex ikompli jagħmel bidliet soċjali fl-aqwa interess ta’ kulħadd, speċjalment dawk l-iktar vulnerabbli.