Stqarrija mill-MTIP u mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: Imnieda l-inizjattiva Bus 75+ favur trasport pubbliku b’xejn għall-anzjani ta’ 75 sena u aktar – aktar minn 19,000 persuna mistennija jibbenefikaw

Reference Number: PR200013, Press Release Issue Date: Jan 06, 2020
 
Il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis żaru l-uffiċċji ta’ Centrecom fil-Mosta fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ inizjattiva oħra li se tpoġġi fuq quddiem il-benefiċċju tat-trasport pubbliku b’xejn għal anzjani ta’ 75 sena u aktar. Waqt iż-żjara kien hemm preżenti l-uffiċjali ta’ Transport Malta, ta’ Centrecom Group kif ukoll ta’ Malta Public Transport.

Il-Ministru Borg spjega li l-mezz tat-trasport pubbliku, b’mod speċjali tal-linja, sar importanti ferm għal pajjiżna. Irrefera għal figuri tal-2019 fejn hu stmat li aktar minn 57.5 miljun passiġġier użaw dan il-mezz matul is-sena. “In-numri qed ikomplu jiżdiedu. L-istatistiċi l-ġodda qed juruna li hemm żieda ta’ 7% jew ta’ aktar minn 4 miljun passiġġier mis-sena 2018 u 69% żieda fl-użu meta mqabbel mas-sena 2012. Illum qegħdin hawn biex inħabbru l-bidu ta’ inizjattiva oħra li se tkun qed toffri trasport pubbliku mingħajr ħlas lil faxxa oħra ta’ nies – l-anzjani li għandhom 75 sena jew aktar u n-numri qed juruna li jista’ jkun hemm aktar minn 19,000 anzjan li jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju,” spjega l-Ministru Borg.

Fakkar li l-wegħda ta’ trasport pubbliku b’xejn kienet waħda li kien hemm min ħaseb li mhix se sseħħ imma għal darba oħra dan il-gvern wera li jwettaq dak li jwiegħed. “Illum qed naraw li bis-saħħa ta’ investiment li jlaħħaq it-€3.4 miljun, aktar minn 39,000 żagħżugħ u żagħżugħa u studenti full-time gawdew minn tal-inqas 8 miljun vjaġġ b’xejn matul is-sena li għaddiet. Qed naraw gvern li minn Diċembru li għadda beda jagħti wkoll dan is-servizz b’xejn lil persuni b’diżabilità. Dawn huma kollha parti minn ħidma komprensiva ta’ gvern li jpoġġi lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-persuni vulnerabbli fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tiegħu, gvern li għandu qalb soċjali,” saħaq il-Ministru Borg. 

Ikkonkluda li l-viżjoni tal-gvern fil-qasam tat-trasport tinkludi ħidma favur bidla fil-kultura ta’ kif wieħed jista’ jivvjaġġa u filwaqt li l-gvern qed ikompli jinvesti b’mod sostanzjali f’toroq aktar effiċjenti u siguri, se jkompli jaħdem biex jara li t-trasport alternattiv inkluż dak tal-linja jkun mezz effiċjenti li fuqu nistgħu nkomplu niddependu.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn għal persuni minn 75 sena ’l fuq hi pass importanti fil-politika ta’ anzjanità attiva li se żżid il-mobilità soċjali u li se tnaqqas l-esklużjoni soċjali. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li l-gvern jimpurtah li l-anzjani jibqgħu parti integrali mis-soċjetà tagħna u qed joħroġ b’inizjattivi bħal dawn li jagħtu l-appoġġ neċessarju biex jibqgħu attivi b’mod sħiħ.  

Qal li hu ppruvat li t-trasport pubbliku hu wieħed mill-mezzi prinċipali ta’ mobilità tal-anzjani u pass bħal dan qed ikompli jsaħħaħ l-irwol importanti tagħhom fis-soċjetà. Is-segretarju parlamentari qal li dan kien il-pass li jmiss wara li t-trasport pubbliku sar aċċessibbli b’mod fiżiku, bil-gvern jieħu ħsieb li ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura, u permezz ta’ din l-inizjattiva mhux jiddiskrimina fuq bażi ta’ flus min jista’ juża s-servizz jew le. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis faħħar lill-Ministru Ian Borg għal wegħda oħra elettorali mwettqa - prova oħra ta’ kemm dan il-gvern hu magħqud u jaħdem bħala team. 

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq id-diversi miżuri tat-trasport pubbliku b’xejn jista’ jċempel fuq 2248 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08:00 u l-16:30.

pr200013a.jpg

pr200013b.jpg
 
pr200013c.jpg 
 
pr200013d.jpg​​