Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Inawgurat ċentru ieħor ta’ matul il-jum

Reference Number: PR200011, Press Release Issue Date: Jan 06, 2020
 
Ġie inawgurat ċentru ieħor ta’ matul il-jum f’Baħar iċ-Ċagħaq, b’investiment ta’ €250,000. Dan hu l-ħdax-il ċentru ta’ Aġenzija Sapport f’Malta u f’Għawdex u l-ewwel wieħed fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u tħabbar li dan iċ-ċentru se jagħti servizz lil 17-il żagħżugħ jew żagħżugħa b’diżabilità, fl-età bejn it-22 u t-23 sena minn diversi lokalitajiet madwar Malta.    

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-gvern qed ikompli bil-wegħdi tiegħu biex jassigura li kull persuna tingħata d-dinjità meħtieġa. Irrefera għall-miżura tal-baġit li issa daħlet fis-seħħ fejn persuni bl-iktar diżabilità severa jieħdu l-paga minima u semma wkoll li ttieħdu miżuri oħra bħat-twessigħ tal-barter index biex jiġu megħjuna iktar nies vulnerabbli. 

Il-Ministru Falzon spjega li l-gvern wettaq bil-fatti l-mira li jiġu megħjuna n-nies u qal li jħares ’il quddiem għal inizjattivi oħra, għax importanti li jkun hemm l-impenn li kulħadd jingħata l-għajnuna, żgħir kemm hu żgħir, ħalli l-marka tal-politika fuq il-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin tkun dik soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li għal din is-sena l-gvern qed jinvesti €30 miljun fis-settur tad-diżabilità biex fost l-oħrajn jippromwovi għajxien indipendenti, awtonomija u inklużjoni fis-soċjetà.

Is-segretarju parlamentari qal li f’dan iċ-ċentru, iż-żgħażagħ qed jingħataw l-opportunità biex itejbu l-abbiltajiet tagħhom u biex jiżviluppaw ħiliet ġodda bis-sapport personalizzat u bir-riżorsi meħtieġa. Qal li fiċ-ċentri ta’ matul il-jum qed jiżdiedu r-riżorsi fejn f’Baħar iċ-Ċagħaq ġew ingaġġati 10 support workers li jagħtu programmi interattivi liż-żgħażagħ li jattendu dan iċ-ċentru fosthom it-tagħlim tal-kompjuter, il-ħjata u anke programmi ta’ diskussjoni.   

Iċ-ċentru ta’ Baħar iċ-Ċaqgħaq hu attrezzat b’apparat tal-gym, bi strumenti professjonali tal-mużika, b’magni tal-ħjata u b’apparat assistiv ieħor bħal joysticks għall-kompjuter u laptops.

Żied li hekk kif il-gvern jemmen biex jimmotiva l-ħiliet tal-persuni b’diżabilità, iċ-ċentru qed jaħdem biex jistabbilixxi kuntatti li jwasslu biex jinbiegħu prodotti tal-ikel tal-friża magħmula mill-benefiċjarji, lil stabbilimenti lokali biex inkomplu nagħtu prova tal-ħiliet li għandhom dawn iż-żgħażagħ.

Anthony Agius Decelis qal li l-gvern qed ikompli juri fiduċja fil-persuni b’diżabilità bil-fatti billi  jara li jkollhom xogħol u li jsiru inċentivi għall-industriji li jinkludu lil persuni b’diżabilità, iżda f’każ li persuni b’diżabilità severa ma jistgħux jaħdmu, minn din is-sena qed jingħataw il-paga minima  għax il-gvern ma jrid lil ħadd jaqa’ lura.   

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li l-istruttura taċ-ċentru hi aċċessibbli fuq diversi livelli, u ċ-ċentru hu binja moderna b’faċilitajiet li jagħtu esperjenza iktar rikka lill-persuni b’diżabilità li jattendu. Is-Sinjura Sciberras qalet li ċ-ċentru qed juża s-sistema easy-to-read ħalli min jattendi jista’ jibbenifika minn esperjenza aktar indipendenti u l-informazzjoni titwassal b’mod aċċessibbli. Żiedet li l-klijenti ta’ dan iċ-ċentru kollha jkunu involuti fid-deċiżjoniet li jirrigwardjawhom, bħal x’suġġetti jixtiequ jiddiskutu, xi programmi se jagħżlu għall-ġurnata u li dan isir b’użu ta’ interactive whiteboards, u apparat assistiv ieħor bħal joysticks għall-kompjuter u laptops.

Semmiet li ċ-ċentru qed jaħdem biex mhux biss jissaħħu l-ħiliet tal-persuni li jattendu iżda wkoll jiġu megħjuna jiżviluppaw ħiliet ġodda. 

  pr200011a.jpg

  pr200011b.jpg

  pr200011c.jpg

 pr200011d.jpg

pr200011e.jpg