Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Għall-ewwel darba fl-istorja, in-numru ta’ persuni fuq l-għajnuna soċjali f’Novembru u Diċembru 2019 niżel taħt is-7,000

Reference Number: PR200002, Press Release Issue Date: Jan 02, 2020
​​
 
Fil-fatt, in-numru totali ta’ persuni li kienu qed jirċievu l-għajnuna soċjali f’Novembru kien ta’ 6,986, u dan reġa’ niżel għal 6,928 f’Diċembru 2019.

F’Diċembru 2019, kien hemm 6,315-il persuna fuq l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, waqt li kien hemm 613-il persuna oħra jieħdu l-għajnuna soċjali għal disimpieg.

Dawn il-figuri jirrappreżentaw tnaqqis sostanzjali meta mqabblin ma’ dawk ta’ Diċembru 2012.  Dak ix-xahar, kien hemm 9,775-il persuna li kienu qed jirċievu l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, waqt li kien hemm 4,174-il persuna oħra jirċievu l-għajnuna soċjali għal disimpieg, għal total ta’ kważi 14,000 persuna. 

Dan ifisser li naqas b’aktar minn nofs (50.3%) in-numru totali ta’ nies fuq l-għajnuna soċjali.  Dawk fuq l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, naqsu b’35.4%, waqt li dawk li jieħdu l-għajnuna soċjali għal disimpieg naqsu b’85.3%.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dawn il-figuri jkomplu juru l-progress li sar f’pajjiżna, li qed iwassal biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi qed tkompli titjieb. Il-fatt li nofs il-persuni li fl-2012 kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali u llum m’għadhomx ifisser li dawn issa jinsabu fid-dinja tax-xogħol u d-dħul tal-familji tagħhom żdied sostanzjalment.

Il-Ministru Falzon tenna li dawn ir-riżultati inkoraġġanti ntlaħqu grazzi għal diversi miżuri li daħħal il-gvern, fosthom tat-Tapering, tal-In Work Benefit u taċ-Child Care b’xejn li, flimkien ma’ ekonomija b’saħħitha u surplus li qed imur fil-bwiet tan-nies, kienu l-ixprun biex eluf ta’ ġenituri u persuni oħra għażlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jtejjbu ħajjithom u ta’ dawk li jiddependu minnhom. 

“Huwa għalhekk ukoll,” temm jgħid il-Ministru Falzon, “li llum il-qgħad jinsab fl-inqas livell li qatt kien fih, waqt li hawn biss terz mill-persuni mċaħħda materjalment severament li kien hawn fl-2012, meta minn 43,000 dawn illum niżlu għal 14,000, liema numru l-gvern se jibqa’ impenjat li jnaqqsu aktar, fost oħrajn permezz tal-miżuri tal-Baġit 2020 li bdew jidħlu fis-seħħ mill-bieraħ.”​​