Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jibdew deħlin fis-seħħ il-miżuri soċjali tal-Baġit 2020

Reference Number: PR192711, Press Release Issue Date: Dec 30, 2019
 
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jixtieq javża li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se jibdew jidħlu fis-seħħ il-miżuri tal-Baġit 2020, u li fost dawn hemm dawk li jolqtu lill-pensjonanti u l-benefiċjarji soċjali.
 
Fost il-miżuri li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ f'Jannar, hemm iż-żieda ta' €7 fil-ġimgħa lill-pensjonanti, iż-żieda fir-rata tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, iż-żieda perċentwali li se jirċievu dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta' 62 sena jew aktar b'aktar minn 35 sena bolol.
 
L-ewwel żidiet se jidħlu fis-seħħ fl-4 ta' Jannar 2020. Dakinhar se titħallas iż-żieda fil-Pensjoni tal-Età Non-Kontributorja.  Se jithallsu wkoll iż-żidiet fl-Allowance tal-Carers u fl-Assistenzi għal Diżabiltà, fosthom għal dawk bl-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa li se jibdew jirċievu l-ammont tal-Paga Minima Nazzjonali netta, jew €161.40 fil-ġimgħa.
 
Is-Sibt 11 ta' Jannar imbagħad ikun imiss lill-pensjonanti tal-irtirar li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi u dawk li huma pensjonanti tas-servizz li se jirċievu ż-żieda ta' €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom. Fl-istess ġurnata jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali.
 
Fil-11 ta' Jannar ukoll jirċievu ż-żieda addizzjonali dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta' 62 sena jew aktar,  b'aktar minn 35 sena bolol.  B'hekk dawn se jinġiebu l-istess bħal dawk li kienu jaħdmu fis-settur privat.
 
Il-pensjonanti romol se jirċievu ż-żieda ta' €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom nhar is-Sibt 18 ta' Jannar.  Fl-istess ġurnata se jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-Għajnuna Medika.
 
Fil-25 ta' Jannar imbagħad ikun imiss il-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti fuq il-pensjoni minima li huma wkoll se jkunu qed jirċievu ż-żieda ta' €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.
 
Ta' min jgħid li ż-żieda mħabbra fil-Baġit fl-ammont ta' Għajnuna Supplimentari li jirċievu l-anzjani ta' 'l fuq minn 65 sena li jinsabu f'riskju ta' faqar diġà bdiet titħallas lilhom mill-pagament li rċievew fl-14 ta' Diċembru, liema pagament ikopri l-ewwel 3 xhur tas-sena 2020 bil-quddiem.
 
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon jirringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, tad-Diviżjoni tal-Appoġġ Finanzjarju u Osservanza, u tal-MITA li f'dawn iż-żminijiet ta' festi jkunu impenjati ħafna sabiex ilestu x-xogħol kollu meħtieġ sabiex iż-żidiet imsemmija jitħallsu fl-ewwel pagament tas-sena ta' kull kategorija ta' pensjonanti u benefiċjarji oħra.  Din il-ħidma se tkompli għaddejja sabiex fil-ġimghat u x-xhur li ġejjin jitħallsu żidiet u benefiċċji oħra mħabbra fil-Baġit.
 
Il-Ministru Michael Falzon qal li jinsab ottimist illi matul is-sena li ġejja il-Ministeru se jkompli b'iktar ħidma favur il-familji, t-tfal, l-anzjani u l-persuni b'dizabilità. 

Fost il-miżuri li se jiġu implimentati dalwaqt hemm dawk li jikkonċernaw il-bonus ġdid ta' €300 li se jibda jitħallas lill-ġenituri li jkollhom trabi godda, żidiet għar-romol li għandhom it-tfal taħt it-18-il sena, żidiet għall-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar fl-għotja li jirċievu kull sena, żidiet għall-anzjani li jgħixu fi djar privati tal-anzjani, u żidiet għal dawk ta' 'l fuq minn 75 sena li issa se jibqgħu jew jibdew jirċievu l-bonus annwali li jitħallas lil dawk li kienu ħallsu xi bolol imma m'għandhomx pensjoni.

Se jkunu qed jidħlu fis-seħħ ukoll il-miżuri għal min għandu invalidità severa, għal min ikun għaddej minn trattament għall-kanċer, u għal min ibati mill-fibromyalgia jew ME, fost miżuri oħra.​