Fid-dawl tat-tibdil fl-infrastruttura tas-sistema tal-informatika tal-Bank of Valletta li tħabbret ilbieraħ, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jixtieq javża li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel l-arranġamenti meħtieġa biex il-benefiċjarji tad-Dipartiment, jitħallsu l-pagamenti dovuti qabel il-perjodu li l-Bank of Valletta mhux se jkun qiegħed joffri servizzi mill-fergħat tiegħu.
Il-ministeru jixtieq javża li saru arranġamenti biex dawk il-pensjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li jitħallsu permezz ta’ ċekk u li huma dovuti fit-28 ta’ Diċembru 2019, dawn l-istess ċekkijiet se jkunu datati 24 ta’ Diċembru 2019 jiġifieri erbat ijiem qabel id-data proprja, u se jintbagħtu fiż-żmien opportun biex ikunu jistgħu jissarrfu mill-24 ta’ Diċembru ’il quddiem minn kull bank, inkluż il-Bank of Valletta.
Il-pagamenti kollha li jsiru permezz ta’ depożitu fil-kont bankarju se jkunu wkoll proċessati biex jitħallsu fl-24 ta’ Diċembru 2019 bi ftehim mal-Bank Ċentrali ta’ Malta minħabba li l-25 ta’ Diċembru hija festa pubblika u s-26 ta’ Diċembru hija btala bankarja.
Anke l-pagamenti ta’ benefiċċji li jiġu pproċessati u mħallsa kull ġimgħa, u mhux kull 4 ġimgħat, ukoll se jkunu datati 24 ta’ Diċembru 2019 biex iċ-ċekkijiet ikunu jistgħu jissarrfu qabel ukoll. F’dan il-każ anke l-pagamenti depożitati direttament il-bank se jidħlu fl-24 ta’ Diċembru 2019 ukoll.
Minkejja li b’dan il-mod il-pagamenti u ċ-ċekkijiet se jkunu għand il-benefiċjarji sal-24 ta’ Diċembru 2019, dawk il-benefiċjarji li jitħallsu b’ċekk jekk isarrfuh f’xi fergħa tal-Bank of Valletta, huma mħeġġa biex jinnutaw il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat tal-bank, speċjalment fit-28 ta’ Diċembru 2019.
Għal aktar informazzjoni dwar kif se jsiru l-pagamenti imsemmija wieħed jista’ iċempel 153 waqt li dwar kif se joperaw is-servizzi tal-Bank of Valletta wieħed għandu jagħmel kuntatt mal-call centre tal-bank.