Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Imfakkar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa

Reference Number: PR192541, Press Release Issue Date: Nov 25, 2019
 

Il-jum tat-Tnejn 25 ta' Novembru 2019 fakkar l-Vjolenza fuq in-Nisa, b'din il-ġurnata tqajjem l-għarfien ukoll f'pajjiżna. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) organizzat konferenza biex tqajjem aktar kuxjenza dwar is-suġġett li sfortunatament għadu reali sal-lum il-ġurnata.

F'din il-konferenza pparteċipaw numru ta' professjonisti fis-settur, dan filwaqt li kienu mistiedna vittmi ta' vjolenza domestika li tkellmu dwar il-ġrajjiet xokkanti li għaddew minnhom.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dawn is-sittax-il jum t'attiviżmu għandhom iservu ta' sinjal ċar u b'saħħtu ta' tolleranza zero għall-vjolenza domestika.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern huwa kommess li jinforza l-liġijiet dwar is-suġġett, bil-għan li jippromwovi d-drittijiet ta' kulħadd, speċjalment dawk l-iktar vulnerabbli. Biex ikun żgurat dan, Malta timxi mal-Konvenzjoni t'Istanbul, li kienet ratifikata minn din l-amministrazzjoni fl-2014.

Fl-2018, dan il-Gvern investa mat-€825,000 fiċ-Ċentru tal-Vjolenza Domestika, filwaqt li twettaq investiment t'aktar minn €1.4 miljun biex tingħata għajnuna lill-vittmi ta' vjolenza domestika.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar is-sehem tal-professjonisti kollha li tul dawn l-aħħar 25 sena taw sehem strumentali fl-FSWS, u appella għall-ħidma kontinwa biex kull persuna jkollha d-dritt li tgħix ħajja sigura mingħajr biża u theddid kemm ta' vjolenza fiżika u dik emozzjonali. ​

 pr192541a.jpg

 pr192541b.jpg