Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali: L-Awtorità tad-Djar tinħatar Regolatur tas-suq tal-kera privata

Reference Number: PR192488, Press Release Issue Date: Nov 19, 2019
 
Wara li fil-jiem li għaddew ġiet approvata mill-Parlament il-liġi li tirregola s-settur tal-kirjiet, illum sar pass ieħor 'l quddiem, hekk kif is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħatar uffiċjalment l-Awtorità tad-Djar bħala r-regolatur tas-suq tal-kera privata.

Biex tilħaq id-doveri ġodda u topera b'mod effiċjenti u ssaħħaħ l-operat tal-Awtorità tad-Djar, is-Segretarju Parlamentari Galdes ħabbar it-twaqqif ta' unit ġdid fi ħdan l-Awtorità, li se jkun responsabbli speċifikament mill-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida tal-kera.

"Il-liġi l-ġdida tal-kera mingħajr regolatur kienet tibqa' liġi fuq il-karti. Għalhekk, illum, b'fiduċja sħiħa, qed ngħaddi l-irwol ta' regolatur tas-suq tal-kera privata lill-Awtorità tad-Djar", qal is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Żied jgħid li l-Awtorità tad-Djar qed tingħata s-saħħa permezz ta' erba' għodod prinċipali;

1.  L-ewwel, li ssolvi kwistjonijiet bejn is-sidien u dawk li jgħixu fil-kera quddiem panel apposta li jsolvi kwistonijiet bħal dawk relatati ma' depożitu jew manutenzzjonijiet, biex kemm jista' jkun dawk involuti jevitaw li jitilgħu il-qorti;

2.  Li l-Awtorità se tkun qed tieħu ħsieb ir-reġistrazzjonijiet tal-kirjiet, sabiex tigwida lis-sidien kollha għar-reġistrazzjoni;

3.  Li tinforza din il-liġi billi tassigura li min qiegħed jabbuża jieqaf, u jirregola l-kirjiet tiegħu kif titlob din il-liġi;

4.  U fl-aħħar net, li permezz tal-informazzjoni li se tiġbor mir-reġistrazzjonijiet, l-Awtorità tkun tista' tifhem aħjar dak li għaddej fis-suq tal-kera, sabiex l-istat imbagħad se jkun jista' jigwida l-politika tiegħu abbażi tal-informazzjoni li tkun inġabret.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li, "permezz tal-irwol ta' Regolatur tas-suq tal-kera privata li ġejna fdati bih, verament se nkunu Awtorità tad-Djar, għaliex se nkunu qegħdin għall-ewwel darba mmissu mas-settur tal-housing f'pajjiżna fit-totalità tiegħu, u għalina dan huwa ta' sodisfazzjon, għaliex permezz ta' din il-liġi se nkunu qegħdin nissalvagwardjaw id-drittijiet tas-sidien u tal-familja fil-kera filwaqt li nassiguraw li jiġu osservati d-dmirijiet li għandhom. Fiduċja li qegħdin nsarrfuha f'ħidma bla waqfien biex minn Jannar tas-sena d-dieħla nibdew nimplimentaw din il-liġi."

Is-Segretarju Parlamentari Galdes għalaq billi enfasizza l-importanza li l-Awtorità tad-Djar tikkomunika kemm mas-sidien u mal-inkwilini, kif ukoll mal-aġenziji tal-propjetà, bħala entitajiet li jaħdmu kontinwament maż-żewġ stakeholders ewlenin.

"Jeħtieġ li nkomplu ninvolvu lil kull min għandu ghal qalbu s-settur, sabiex flimkien niprofessjonalizzawh. Nafu li permezz tat-tisħiħ tas-settur igawdi kulħadd, u permezz ta' din il-liġi dawk kollha li qed imissu mas-settur issa se jkollhom bażi aktar soda, u settur aktar effiċjenti, trasparenti u ġust."

Il-liġi tidħol fis-seħħ f'Jannar li ġej, u se tkun akkumpanjata minn kampanja estensiva ta' informazzjoni. Is-sit rentregistration.gov.mt diġa qed jopera għal min irid aktar informazzjoni.​

  pr192488a.jpg

  pr192488b.jpg

 pr192488c.jpg

pr192488d.jpg