Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jonqos l-għadd ta’ tfal u adoloxxenti f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali

Reference Number: PR192486, Press Release Issue Date: Nov 19, 2019
 
Ir-rata ta’ tfal u adoloxxenti f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-2018 kienet 9 punti perċentwali anqas milli kienet fl-2013. Fl-2013 din ir-rata kienet ta’ 32 fil-mija, li kienet l-ogħla waħda li qatt ġiet reġistrata mill-Eurostat mill-2005.

Dan ifisser li r-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fost persuni taħt it-18-il sena tul dawn is-snin naqas b’madwar 6,000, għal 18,395.

Ir-rata tal-2018 - ibbażata fuq dħul monetarju fl-2017 - kienet imxandra, flimkien ma’ statistiċi oħra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), illum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal.

Fl-2013, wieħed minn kull tlett itfal kien jgħix fil-faqar, iżda dan illum naqas għal wieħed minn kważi kull ħamest itfal.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dan it-tnaqqis huwa riżultat tat-tkabbir ekonomiku u firxa ta’ miżuri soċjali li twettqu mal-bidla fil-gvern, u li kienu mmirati biex jgħollu l-livell tal-ħajja tal-familji bit-tfal.  Fost oħrajn, dawn kienu jinkludu ċ-child care b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji għal min jerġa’ jibda jaħdem, l-In-Work Benefit, iż-żieda fil-paga minima u t-tnaqqis fit-taxxi, kif ukoll ir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma.

Il-Ministru Falzon fisser li l-miżuri ġodda li daħlu fis-seħħ is-sena l-oħra u din is-sena, li komplew jikkontribwixxu biex jgħollu l-livell tal-ħajja tal-familji, għad iridu jiġu riflessi fl-istatistika tal-NSO.  L-istess jgħodd għall-miżuri li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla.

L-għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena fl-aħħar tal-2018 kien ta’ 80,196. 96 fil-mija tal-missirijiet tagħhom kienu fl-impjieg, filwaqt li 65 fil-mija tal-ommijiet tagħhom kienu jaħdmu wkoll.

Statistika oħra turi xejra positiva dwar l-akkomodazzjoni ta’ familji bi tfal taħt it-18-il sena. Din turi li tmienja minn kull għaxar familji huma sidien ta’ darhom, filwaqt li l-kumplament jgħixu f’postijiet mikrija tal-housing jew privati, jew li ma jħallsux kera għalihom. ​