Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Politika li tagħti wens u li tippremja l-bżulija u l-familji

Reference Number: PR192479, Press Release Issue Date: Nov 18, 2019
 
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jilqa’ b’sodisfazzjon l-istħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, liema studju jikkonferma li rduppjaw in-numru ta’ familji li qed jirnexxilhom ifaddlu.

Fl-2016, ftit inqas minn nofs il-familji (45.6%) irnexxilhom ifaddlu parti mid-dħul tagħhom, id-doppju ta’ dak li rnexxilhom jagħmlu dan, disa’ snin ilu, fl-2010, meta kienu biss 23.7% li rnexxilhom ifaddlu parti mid-dħul tagħhom. 

Din l-istatistika turi li l-politika tal-Gvern qed tħalli l-effetti pożittivi mixtieqa u jkun ferm interessanti meta naraw kif din il-politika immaterjalizzat illum il-ġurnata, fis-sena 2019. Niftakru fl-għexieren ta’ miżuri soċjali li kienu introdotti fl-aħħar snin, meta fl-istess waqt ma kien hemm l-ebda introduzzjoni ta’ taxxi, jew piżijiet ġodda.

Iċ-childcare b’xejn, iż-żieda fiċ-children’s allowance (wara 23 sena), eżamijiet b’xejn, flimkien ma’ miżuri finanzjarji oħra, kollha saħħew il-qagħda finanzjarja tal-familja.

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ma jixtieqx biss li l-familji jagħmlu progress finanzjarju, iżda kommess li jara wkoll family-work-life balance. Fil-fatt, is-sena 2020 se tfisser ukoll l-introduzzjoni ta’ żieda oħra ta’ ġurnata leave għall-impjegati kollha. Din hija t-tielet ġurnata leave miżjuda fi tliet snin.     

Minbarra dan, il-Ministeru se jkomplu għaddej ukoll bil-Kampanja Trobbija Pożittiva, bl-għan li joħloq aktar kuxjenza u għarfien dwar kif il-ġenituri għandhom jaġixxu u jgħinu lil uliedhom.​​