Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Investiment kontinwu fil-ġlieda kontra d-droga

Reference Number: PR192390, Press Release Issue Date: Nov 07, 2019
 

Il-Malta National Addiction Advisory Board ippublika r-Rapport Nazzjonali dwar is-Sitwazzjoni tad-Droga f’Malta, rapport li jagħti indikazzjoni ċara tal-użu tad-droga, ix-xejriet, il-bidliet u l-istrateġija u l-koordinazzjoni tad-droga.

Dan ir-rapport kien ikkumissjonat mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali bl-għan li toħroġ stampa iktar ċara tal-użu tad-droga f’Malta u anke f’pajjiżi Ewropej.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-attività ġġenerata mid-droga tlaħħaq l-€20 biljun f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-ministru fisser kif is-sitwazzjoni tad-droga qed tinbidel b’rata mgħaġġla, fejn sustanzi psikoattivi u sintetiċi qed jieħdu post drogi oħra. Dwar l-użu tad-droga f’Malta, jirriżulta li l-użu tal-kokaina u l-kannabis dejjem qed jiksbu aktar popolarità.

Għalhekk, saħaq il-Ministru Michael Falzon, għandna nibqgħu aġġornati f’kull żvilupp relatat mal-użu tad-droga, filwaqt li wissa dwar realtà ġdida li nistgħu niffaċċjaw, b’rabta ma’ Artificial Intelligence, fejn persuna tista’ tħoss l-effett immaġinarju tad-droga permezz ta’ logħob virtwali.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar il-ħtieġa li tkun aġġornata l-Politika Nazzjonali ta’ Malta dwar id-Droga, li tmur lura għas-sena 2008. Il-gvern kommess li jsaħħaħ din l-istrateġija li għandha l-għan li tissimplifika l-azzjonijiet tal-korpi governattivi u non-governattivi li huma responsabbli għat-twassil ta’ servizzi marbuta mad-droga.

Intant, il-ministru rrefera għar-ritmu mgħaġġel li miexi bih ix-xogħol fiċ-ċentru tal-Ibwar, li se jservi bħala residenza terapewtika għaż-żgħażagħ li jinqabdu fix-xibka tad-droga. Dan il-proġett mistenni jibda jopera f’nofs is-sena d-dieħla, b’investiment ta’ €3.5 miljun mill-gvern, u finanzjament ta’ madwar €900,000 fis-sena.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif il-gvern jiffinanzja l-aġenziji u s-servizzi  kollha marbuta mal-għoti ta’ għajnuna fil-qasam tad-droga filwaqt li sostna li se tkompli l-ħidma ma’ kull organizzazzjoni li taħdem f’dan is-settur.​

  pr192390a.jpg

  pr192390b.jpg

  pr192390c.jpg

  pr192390d.jpg

  pr192390e.jpg