Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: L-anzjani ta’ San Vincenz de Paule bl-ewwel lezzjoni tagħhom fl-Università tar-Raba’ Età

Reference Number: PR192379, Press Release Issue Date: Nov 06, 2019
 
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis attenda għall-ewwel lezzjoni tal-Università tar-Raba’ Età f’San Vinċenz de Paule wara l-ftehim li sar mal-Università ta’ Malta biex tkun l-Università li tasal għand in-nies, din id-darba għand l-anzjani. Wara li l-Università tar-Raba’ Età fetħet ukoll f’Dar San Ġużepp il-Fgura, issa bdiet ukoll f’San Vinċenz de Paule, bl-anzjani jingħataw lezzjonijiet varji fosthom fuq il-mużika folkloristika b’mod interattiv.  

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-gvern irid jagħti ħajja ta’ kwalità lil dawn l-anzjani u li għalhekk grazzi għall-ħidma tal-Università ta’ Malta u l-Professur Marvin Formosa l-Kap tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta, l-anzjani fir-residenzi se jiġu stimulati intellettwalment b’lezzjonijiet adattati għalihom. Il-Professur Formosa qal li din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ is-servizz li beda 26 sena ilu, meta bdiet l-Università tat-Tielet Età. 

Anthony Agius Decelis qal li dan hu servizz ieħor fejn bl-għajnuna tal-professjonisti u tal-edukaturi l-anzjani jibqgħu jitgħallmu u jkollhom spazju ieħor fejn iħaddmu wkoll il-ħsieb u l-kreattività tagħhom. Irringrazzja lil Dr Josianne Cutajar, il-kap eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paule, għall-enerġija tagħha biex jitwettqu dawn il-proġetti.

Bil-ftehim iffirmat mal-Università ta’ Malta se jkun hemm ukoll sitt ċentri ta’ Università tat-Tielet Età. Dawn se jkunu fil-Furjana, f’Tas-Sliema, f’Ħ’Attard, fil-Kottonera, fil-Mellieħa u f’Birżebbuġa.​
 pr192379a.jpg

 pr192379b.jpg

pr192379c.jpg