Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali: Ir-riforma fil-liġi tal-kera tgħaddi mill-Parlament b’vot unanimu

Reference Number: PR192372, Press Release Issue Date: Nov 06, 2019
 
Ilbieraħ fil-Parlament għaddiet il-liġi l-ġdida tal-kera wara li l-vot fuq it-tielet qari għadda b’mod unanimu. Il-liġi l-ġdida se tagħti aktar serħan tal-moħħ, stabbiltà u previdibbiltà kemm lis-sidien kif ukoll lil dawk li jgħixu fil-kera. 

Is-segretarju parlamentari responsabbli minn din ir-riforma, Roderick Galdes, laqa’ b’sodisfazzjon il-vot li bih il-liġi se tidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej. Dan il-pass legali hu wkoll parti minn strateġija wiesgħa li l-gvern għandu fir-rigward tal-housing. 

“Dan il-vot hu r-riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ stakeholders varji u frott riċerka estensiva li ħejjejna fl-ewwel xhur tal-leġiżlatura. Nirringrazzja lil kull min ta sehem, issa ffukati fuq l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi,” qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.  

Bħala parti mir-riforma, l-Awtorità tad-Djar se tiġi msaħħa b’aktar riżorsi u se jkun hemm team li jaħdem biex din ir-riforma tiġi mwettqa fil-prattika, b’ġustizzja soċjali u mingħajr ma tillimita s-suq privat. ​

pr192372a.jpg