Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: Kap Eżekuttiv ġdid għall-Aġenzija Sapport

Reference Number: PR192362, Press Release Issue Date: Nov 05, 2019
 

​Ruth Sciberras inħatret bħala Kap Eżekuttiv ġdida tal-Aġenzija Sapport. Is-sinjura Sciberras kienet Direttur tal-Operat tal-Aġenzija Appoġġ.

Is-sinjura Sciberras għandha esperjenza twila fil-qasam soċjali, hekk kif, bħala social worker professjonali, ilha taħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar tnejn u għoxrin sena.  Kemm kienet ilha fl-Aġenzija Appoġġ, is-sinjura Sciberras ħadmet f’diversi oqsma ta’ din l-aġenzija, b’xogħol mat-tfal, żgħażagħ, u l-familji tagħhom. 

Għal diversi snin kienet parti mill-amministrazzjoni tal-Aġenzija Appoġġ, u diversi servizzi kienu taħt it-tmexxija tagħha, fosthom il-qasam tal-vjolenza domestika, is-servizz tax-xelter Għabex, u l-protezzjoni tat-tfal. Is-sinjura Ruth Sciberras hija wkoll chairperson tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva. 

Żgur li  permezz tal-professjonalità tagħha, is Sinjura Sciberras ser tkun qed taħdem, flimkien mal-professjonisti fi ħdan Aġenzija Sapport, biex b’għan wieħed ikomplu jagħtu l-aqwa servizzi lil persuni b’diżabilità, kif ukoll il-familjari tagħhom.

Ritratt: MFCS_PS​

pr192362a.jpg