Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Sena pożittiva għall-FSWS fl-2018

Reference Number: PR192346, Press Release Issue Date: Nov 02, 2019
 
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) ippreżentat ir-rapport annwali għas-sena 2018, li fih kien innutat aktar investiment finanzjarju kif ukoll iktar ingaġġ ta’ professjonisti biex ilaħħqu mad-domanda soċjali.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan il-gvern reġa’ għal darba oħra żied l-allokazzjoni finanzjarja, tant li fl-aħħar ħames snin il-fondazzjoni rduppjat l-impjegati tagħha biex tkun tista’ tkabbar u tifrex is-servizzi li tagħti lil nies vulnerabbli. Biex seta’ jsir dan, il-flus li twarrbu kull sena fl-estimi għar-riżorsi umani u s-servizzi żdiedu b’mod qawwi tant li għas-sena d-dieħla n-nefqa tal-fondazzjoni se titla’ għal kważi €24 miljun - żieda ta’ 207 fil-mija fuq dik tal-2012.

Fit-twettiq tal-politika għall-ħarsien u għajnuna soċjali, il-Ministeru jfittex ukoll li jaħdem id f’id ma’ għaqdiet volontarji u mhux governattivi. Permezz ta’ ftehim għal sħubija soċjali ma’ dawn l-għaqdiet, il-ministeru jsostni proġetti u servizzi f’diversi oqsma li jolqtu lit-tfal, lill-familji, lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità, qal il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Falzon irrefera għall-kampanja Children’s Dreams u li sa issa nqatgħu 64% ta’ ħolm ta’ tfal. Tenna l-appell biex aktar persuni javviċinaw lill-FSWS u jgħinu lit-tfal jiksbu dak li verament jixtiequ.

Il-Ministru Michael Falzon irrefera wkoll għall-ftehimiet soċjali li qed jagħmel il-gvern hekk kif dawn żdiedu b’mod qawwi minn 3 biss fl-2013 għal 47 dis-sena, bin-nefqa tikber minn miljun għal 14-il miljun. Spjega li aktar minn nofs din is-somma ntefqu fuq servizzi favur persuni b’vizzju tad-drogi, il-ħarsien tat-tfal, vittmi ta’ vjolenza domestika, persuni li jispiċċaw bla saqaf u oħrajn li jkunu skontaw sentenzi ta’ ħabs. Il-kumplament marru biex isostnu programmi favur persuni b’diżabilità.  

Għas-sena d-dieħla l-vot għal dawn il-ftehim se jitla’ għal kważi 17-il miljun ewro, biex barra li nissoktaw fl-impenn tagħna skont il-ftehim eżistenti, nidħlu fi ftehim ma’ għaqdiet oħra.

Il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li se tagħti ħajja u tama ġdida lit-tfal li jinsabu maqbuda f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx kontroll fuqhom. Qal li se jkun xogħol il-professjonisti li jibnu u jagħtu futur lil dawn it-tfal u li jinkluduhom f’ambjent ta’ familja u ta’ mħabba, filwaqt li jagħtuhom direzzjoni għall-ħajja. ​
 
 pr192346a.jpg

 pr192346b.jpg

 pr192346c.jpg

 pr192346d.jpg