Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Appell lill-pubbliku biex 2500 ħolma isiru realtà

Reference Number: PR192266, Press Release Issue Date: Oct 24, 2019
 
Fit-23 ta' Ottubru 2019, ġiet imnedija is-sitt edizzjoni tal-kampanja Children's Dreams, li matulha tfal vulnerabbli li jixtiequ xi oġġett materjali, jaqsmu x-xewqa tagħhom u jirċievu x-xewqa f'forma ta' rigal fil-Milied.

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti qal li din is-sena hemm mal-2500 ħolma x'titwettaq, u appella biex il-poplu kollu jerġa' jwieġeb għal din is-sejħa biex nikkuntentaw dawn it-tfal, mhux biss b'mod materjali, iżda anke sabiex ngħinuhom iħossu dak is-sens ta' imħabba u appartenenza.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li s-sabiħ tas-soċjetà Maltija dejjem kien, għadu u jibqa' s-sens ta' solidarjetà u l-enerġija biex ngħinu u nagħtu ħajja sabiħa lil min għal xi raġuni ma jistax igawdi bl-istess mod ta' ħaddieħor.

Din l-inizjattiva soċjali tal-Aġenzija Appoġġ, li issa saret tifforma parti mill-attivitajiet annwali għal żmien il-Milied, tissejjaħ iċ-Children's Dreams.

It-tfal, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn trabi sa 18-il sena, jistgħu jkunu qed jgħixu kemm mal-familji tagħhom kif ukoll f'residenzi li jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali.

Il-proċess jibda meta l-ħaddiema soċjali li jaħdmu qrib it-tfal fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, li jkunu ilhom isegwu lilhom u/jew lill-familji tagħhom, jaraw x'jixtiequ jirċievu għal żmien il-Milied. Wara li x-xewqat tat-tfal jaslu għand it-tim responsabbli miċ-Children's Dreams, dawn jittellgħu fuq is-sit www.childrendreams.org, u b'hekk il-pubbliku jew entitajiet oħrajn ikunu jistgħu jwettqu l-ħolm tat-tfal.

Hekk kif il-ħolm ikun imniedi, l-pubbliku jkun jista' jwiegħed dik il-ħolma partikolari permezz ta' proċess sħiħ online, li jiġi segwit permezz ta' email li tintbagħat lill-isponsor. Kif isir dan, jinbeda l-kuntatt bejn il-ħaddiema soċjali u l-isponsor, hekk kif, wara li jinxtara r-rigal, jitwassal għand il-persuni inkarigati minn dan il-proġett fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. Minn hawnhekk, ir-rigal jitwassal direttament għand it-tfal.

Permezz tas-sit elettroniku www.childrensdreams.org u l-paġna uffiċċjali ta' Facebook, ser tingħata promozzjoni biex ikun magħruf x'ħolm ikun fadal minn żmien għal żmien. Permezz ta' din l-inizjattiva, mijiet ta' tfal ikunu qegħdin jifirħu, u  jista' jiġi apprezzat kif il-ħajja, fis-sempliċità tagħha, hija importanti u ta' valur kbir.

Kull min jixtieq iktar informazzjoni jista' jagħmel kuntatt fuq il-linja 99282198, jew fuq l-indirizz elettroniku childrendreams@gov.mt.

pr192266a.jpg