Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: Standards regolatorji biex isaħħu d-drittijiet tal-anzjani

Reference Number: PR192258, Press Release Issue Date: Oct 23, 2019
 
L-Erbgħa filgħodu kien issiġillat ftehim bejn l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, flimkien ma’ entitajiet oħra, bil-mira li jiġu salvagwardjati aħjar l-interess ta’ nies vulnerabbli, speċjalment l-anzjani.

Il-Ministru Michael Falzon qal li issa l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) flimkien mal-Kummissarju għall-Persuni Anzjani jistgħu jaqsmu flimkien informazzjoni. Dan l-arranġament se jassigura li fl-ebda ħin ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni u abbuż, filwaqt li nippromwovu opportunitajiet li jilħqu lil kulħadd.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis sostna li dan il-ftehim ser jippromwovi l-aħjar prattika ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi; l-interessi tal-anzjani tagħna u l-opportunitajiet għall-anzjani. Huwa stqarr li l-anzjani jinsabu fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-gvern, “għalhekk iridu naċċertaw li l-anzjani tagħna jiġu protetti minn kull forma ta’ abbuż, ħsara, trattament mhux xieraq u abbandun.” Dan il-ftehim ser ikun qiegħed iżid il-kollaborazzjoni sabiex jiġi assigurat li d-drittijiet tal-anzjani jkunu mħarsa. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis ħabbar li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ser titella’ wkoll konferenza għall-anzjani, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, sabiex l-anzjani nfushom jsemmgħu leħinhom u jiddiskutu flimkien mal-esperti f’dan il-qasam. 

L-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali se jkollha l-facilità li tinvestiga kull kwalunkwe abbuż ta’ drittijiet ta’ persuni anzjani.​
 
pr192258a.jpg

pr192258b.jpg

pr192258c.jpg