Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali: Baġit li jaħseb f’housing adekwat għal kulħadd

Reference Number: PR192241, Press Release Issue Date: Oct 21, 2019
 
“Anke fil-housing irridu nippremjaw il-bżulija u għalhekk qed inħeġġu liż-żgħażagħ biex jieħdu inizjattiva. Iżda nifhmu wkoll l-isfidi għal ċerti familji biex jakkwistaw proprjetà u għalhekk qed nikkommettu li ngħinuhom sabiex verament inkomplu nikbru flimkien”, qal is-Segretarju Parlamentari għall-Akkommodazzjoni Soċjali Roderick Galdes f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri li ġew preżentati f’Baġit 2020.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fil-housing estate f’Ta’ Farsina f’Ħal Qormi, is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li l-għan hu li lil dawk li jifilħu jagħmlu nofs pass, il-gvern jagħtihom imbuttatura biex jagħmlu n-nofs pass l-ieħor ħalli jaslu. Minkejja dan, jibqa’ konxju li hemm persuni li ċ-ċirkostanzi jpoġġuhom f’qagħda vulnerabbli u għalhekk qed jibqa’ għaddej qatigħ ix-xogħol fuq il-bini tal-akkomodazzjoni soċjali. Spjega li għalhekk minn dan il-baġit qed isir investiment f’dan is-settur ukoll. Se jkunu qed jinbnew 1700 unit ġdid li jfisser terz tal-istokk eżistenti. Ħabbar li mis-sena d-dieħla mistennija jibdew jitlestew l-ewwel appartamenti.

Roderick Galdes enfasizza li dan il-baġit mhux qed jiffoka fuq l-akkomodazzjoni soċjali biss. Qal li hu fatt li l-parti l-kbira taż-żgħażagħ u l-familji Maltin iridu jsiru sidien ta’ djarhom u ħafna qed jistinkaw biex jagħmlu l-ewwel pass. Lil dawn il-familji l-gvern impenjat li jassistihom ħalli jaslu biex jakkwistaw dar għal familthom.

“Waħda mill-miżuri ta’ dan il-baġit biex ngħinu aktar persuni jixtru proprjetà hi dik li tassisti lil dawk li għandhom bejn 21 u 39 sena. B’din il-miżura se ngħinu liż-żgħażagħ eliġibbli permezz ta’ self sa massimu ta’ €17,500 biex jixtru l-ewwel dar tagħhom. L-ammont imbagħad jitħallas fuq numru ta’ snin mingħajr ebda interessi”, spjega s-Segretarju Parlamentari Galdes. 

Żied jgħid li dawk li għandhom aktar minn 40 sena se jkomplu jibbenefikaw mill-iskema tal-equity sharing li qed tiġi estiża wara li kienet ta’ suċċess meta tnediet fil-baġit tas-sena l-oħra.  Din l-iskema tgħin lil dawk eliġibbli biex jixtru mhux inqas minn nofs il-proprjetà filwaqt li l-parti l-oħra tinxtara mill-Awtorità tad-Djar. Is-sehem tal-Awtorità jkun jista’ jinxtara sa 20 sena wara bil-prezz oriġinali.

F’din il-konfernza tal-aħbarijiet, tfakkar ukoll li dan il-gvern mhux talli qed jestiżi l-iskema tal-first-time-buyer iżda qed itejjibha. Kull min jixtri l-ewwel proprjetà, hi x’inhi l-età se jgawdi minn eżenzjoni fuq it-taxxa tal-bolla fuq l-ewwel €175,000 u b’hekk jiffranka sa €6500. 

Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal ukoll li aktar persuni se jibdew jikkwalifikaw għall-benefiċċju tal-kera hekk kif il-gvern qed jifhem il-bżonnijiet ta’ dawk li jgħixu fil-kera u għalhekk permezz ta’ dan il-baġit qed jassigura li jtaffi mill-piż permezz tal-benefiċċju li reġa’ ġie msaħħaħ. Spjega li, “elf familja qed igawdu minn dan il-benefiċċju din is-sena iżda dan in-numru mistenni jikber b’mod sinjifikanti bil-bidliet li qed nagħmlu f’dan il-baġit. Persuni single li għandhom dħul annwali sa massimu ta’ €19,999 se jkunu eliġibbli filwaqt li qabel kienet għal dawk li jaqilgħu sa €14,500. Koppji b’żewġt itfal, id-dħul annwali għall-eliġibbiltà se jitla’ għal €32,000 minn €28,600”. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay żied li, “Illum ir-riċerka saret l-id leminija tagħna u dan jidher ċar fil-miżuri tal-baġit li ressaqna ’l quddiem. Miżuri li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ faxex differenti li sal-lum kienu qed iħabbtu fuq il-bieb tal-Awtorità tad-Djar u ma jingħatawx alternattiva. B’dawn il-miżuri qed nindirizzaw is-suq tal-housing f’pajjiżna b’mod ħolistiku. L-esperjenza għallmitna li meta familja tingħata l-opportunità li timxi ’l quddiem ma tfittixx id-dipendenza soċjali iżda tfittex li tkun indipendenti.”

Dwar il-ħidma tal-gvern fis-settur tal-housing, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes sostna, “Nemmen li kulħadd jixraqlu dar diċenti. Il-ħidma tagħna f’dan il-qasam hi msejsa fuq riċerka intensiva mis-Segretarjat għall-Akkomodazzjoni Soċjali u b’hekk qed jirnexxilna li b’miżuri b’saħħithom nindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi bl-aktar mod effettiv. Filwaqt li konvint mill-ħtieġa ta’ housing soċjali għal min hu l-aktar fil-bżonn, illum qed inħarsu lejn soluzzjonijiet ġodda biex inkomplu nagħtu l-imbuttatura meħtieġa lil aktar u aktar nies”.​
 pr192241a.jpg 

 pr192241b.jpg 
 
 pr192241c.jpg 
 
 pr192241d.jpg 

 pr192241e.jpg