Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità U Anzjanità Attiva: Imniedi Premju Soċjetà Ġusta 2019

Reference Number: PR192176, Press Release Issue Date: Oct 11, 2019
 
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis nieda Premju Soċjetà Ġusta 2019. 
 
Is-Segretarju Parlamentari qal li meta tmiss ma’ dan is-settur, il-perseveranza tal-individwi, id-dedikazzjoni u l-imħabba tal-familji, tal-ħbieb, tal-voluntiera u tal-professjonisti, fost l-oħrajn, tispikka. Saħaq li, “tara l-għaqda sabiex jintlaħaq għan wieħed – Soċjetà Ġusta”. 

Il-ħsieb wara dan il-premju hu li jiġu ċċelebrati l-kisbiet ta’ individwi u ta’ organizzazzjonijiet li jappoġġaw kultura ta’ iżjed drittijiet tal-persuni b’diżabilità filwaqt li jingħata rikonoxximent tal-apprezzament li l-gvern għandu għal kull min jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva fejn persuni b’diżabilità u dawk qrib tagħhom, bħall-familjari u l-assistenti tagħhom, ikunu jistgħu jesperjenzaw li jgħixu ħajja kif jixtiequ huma. 

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, li se jkun qed imexxi l-bord tal-għażla, spjega li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikun hemm nominazzjonijiet għal dan il-premju pretiġjuż. Żied li l-bord tal-għażla se jagħmel deċiżjoni fuq ir-rebbieħa tal-premji skont min verament jimmeritah.

Għaldaqstant, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jinnomina lill-persuni li jixraqilhom xi wieħed minn dawn il-premji, il-Kummissarju Scicluna appella lil dawk li jkunu se jinnominaw biex fl-applikazzjonijiet jinkludu l-ħidmiet ta’ dawk nominati. 

Premju Soċjetà Ġusta 2019 se jinkludi ħames premji minn fejn il-pubbliku jista’ jagħżel li jissottometti n-nomina: 

Premju Soċjetà Ġusta 2019;
Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità;
Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità;
Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura; u
Premju għal Kumpanija li Topera Mod Inklussiv.

Il-bord tal-għażla se jkun magħmul mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna; il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, Olivia Farrugia li tmexxi d-Diviżjoni tal-Inclusive Employment Services f’Jobsplus; u Brandon Pisani.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, mill-kunsilli lokali jew minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt. 

Wara li jimtlew, dawn l-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku fuq socjetagusta@gov.mt jew bil-posta fuq l-indirizz: 310, Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Palazzo Ferreria, l-Belt Valletta, sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 2019.​​

pr192176a.jpg 

pr192176b.jpg