Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: Aktar kollaborazzjoni biex jissaħħaħ il-livell ta’ kompetenza tal-ħaddiema fil-qasam tal-anzjanità

Reference Number: PR192167, Press Release Issue Date: Oct 10, 2019
 
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għall-iffirmar ta' ftehim ta' tliet snin bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknologija.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis spjega li permezz ta' dan il-ftehim se nkomplu ninvestu fil-kapital uman ta' pajjiżna biex inkunu preparati għall-isfidi tal-futur, speċjalment meta għandna populazzjoni li qed dejjem tixjieħ. Huwa saħaq illi dan il-ftehim qiegħed jagħti spazju għal aktar emanċipazzjoni tal-anzjani u tal-istudenti għaliex se jwassal għal aktar komunikazzjoni biex dawn jifhmu l-bżonnijiet ta' xulxin.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal ukoll li s-servizzi li jingħataw għandhom ikunu bbażati fuq ir-riċerka u għaldaqstant hija prijorità li jkollna aktar riċerka minn studenti li jirrifletti l-bżonn għal proviżjoni ta' informazzjoni fi ħdan is-settur.

Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele spjega li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed ifittex li jaħdem ma' entitajiet varji f'oqsma differenti fis-settur tal-anzjani, fosthom fil-qasam tal-edukazzjoni. Permezz ta' dan il-ftehim mal-MCAST, l-AACC se toffri opportunitajiet lill-istudenti biex ikollhom placements fis-settur biex ikunu esposti għas-sitwazzjonijiet rejali relatati mal-qasam tax-xogħol mal-anzjani.

Permezz ta' dan l-investiment fl-edukazzjoni tal-istudenti tagħna, qed ninvestu fis-settur tal-anzjani, sabiex dawn ikollhom il-ħiliet u kompetenzi meħtieġa mis-settur. Barra minn hekk l-AACC qed taħdem ukoll fuq taħriġ għall-imjegati li diġà jaħdmu fi ħdan is--settur.

Il-Prinċipal tal-MCAST Prof James Calleja qal illi l-Istitut għall-Kura fil-Komunità, immexxi mis-Sa Ann Marie Cassar, huwa wieħed mill-akbar istituti li għandha l-MCAST. Huwa sostna li l-kulleġġ jemmen li l-istudenti għandhom ikollhom esperjenzi ta' xogħol, u li t-tgħalim m'għandux ikun biss ibażat fuq it-teorija, iżda ukoll fuq il-prattika, filwaqt li r-riċerka għandha tkun waħda li tħalli impatt fuq is-soċjetà.

Intant, Prof Calleja spjega wkoll illi permezz ta' dan il-ftehim se jkun hemm skambji biex professjonisti mill-qasam ikunu qegħdin jagħtu lezzjonijiet lill-istudenti f'dan is-settur.​

 pr192167a.jpg 

 pr192167b.jpg​