Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Joħorġu l-pagamenti taċ-children’s allowance u l-għajnuna supplimentari

Reference Number: PR191900, Press Release Issue Date: Sep 13, 2019
 
Għada s-Sibt 14 ta’ Settembru joħorġu l-pagamenti taċ-children’s allowance u l-għajnuna supplimentari.

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jħabbar li l-pagamenti taċ-children’s allowance, flimkien ma’ dawk tal-għajnuna supplimentari, se jinħarġu mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għada s-Sibt 14 ta’ Settembru.

Il-pagamenti dovuti għal dan iż-żmien tas-sena qabel kienu jsiru f’Ottubru, iżda wara l-bidla fil-Gvern fl-2013, bdew jingħataw qabel iż-żmien biex jgħinu lill-ġenituri fl-ispejjeż relatati mal-preparamenti għas-sena skolastika ġdida. Bis-saħħa t’hekk, il-pagamenti kollha ta’ kull 3 xhur bdew jiġu antiċipati u dan qed jgħin lill-ġenituri fl-ispejjeż relatati mal-festi tal-Milied u tal-Għid. 

Nhar is-Sibt li ġej 38,964 familja se jirċievu dawn il-pagamenti qabel iż-żmien għal total ta’ 58,373 tifel u tifla. In-nefqa totali ta’ dawn il-pagamenti tammonta għal kważi €9 miljun (€8,790,268).  Dawn jinkludu kemm familji li jirċievu l-allowance means-tested u kemm dawk li jieħdu r-rata fissa minħabba li d-dħul taghħom huwa ogħla mil-limitu.

L-għajnuna supplimentari, li wkoll kienet ssaħħet fl-2017 biex tgħin lill-persuni bi dħul relativvament baxx, se tkun qed tingħata nhar is-Sibt li ġej lil 22,882 benefiċjarju li se jgawdu minn dawn il-pagamenti qabel iż-żmien. Dawn il-pagamenti jammontaw għal iktar minn €2 miljuni (€2,108,550.87).

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon innota li l-ħruġ ta’ dawn il-pagamenti qabel iż-żmien huwa impenn tal-Gvern biex jgħin lill-familji fil-piżijiet taghħom. Il-Ministru Falzon  stqarr li l-Gvern mhux biss jifhem ir-realtajiet tal-familji, iżda jieħu azzjoni f’waqtha.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif familji bi dħul baxx jew medju komplew jiġu mwieżna din is-sena b’żidiet fiċ-children’s allowance.

B’tibdil li sar fil-mekkaniżmu li jiddetermina r-rata  taċ-children’s allowance, l-ogħla rata żdiedet b’ €96 għal kull wild, liema rata titħallas lil tfal f’familji bi dħul baxx inkluż dawk li jaħdmu bil-Paga Minima Nazzjonali. 

Permezz ta’ dawn il-bidliet,  familji bi dħul ogħla mill-paga minima nazzjonali iżda mhux ogħla minn dħul nett ta’ €18,400 ukoll  gawdew minn żidiet diretti jew indiretti li jlaħħqu sa madwar €88 fis-sena għal kull wild skont id-dħul tal-familja.

Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali se tkompli tintesifika fis-snin li ġejjin u xhieda ta’ dan se jkun il-baġit għas-sena 2020 li se jkompli jibni fuq il-mijiet ta’ miżuri soċjali ġodda li ddaħħlu fl-aħħar 6 snin. Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli joħloq il-ġid u l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, ikompli jgħin familji fil-bżonn u persuni oħra vulnerabbli filwaqt li ma jżid l-ebda piżijiet addizzjonali.