Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: Baġit li se jkompli joħloq aktar suċċessi

Reference Number: PR191873, Press Release Issue Date: Sep 09, 2019
 
Se nkomplu ngħixu s-suċċessi fil-qasam ekonomiċi, soċjali, tax-xogħol filwaqt li s-soċjetà kollha se tkompli tgawdi minn dan il-frott bil-ġid li qed jinħoloq jitqassam fejn l-aktar li hemm bżonn.

Din kienet it-tema ta’ konferenza tal-aħbarijiet bi preparazzjoni għall-Baġit 2020, li ġiet indirizatta mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis.

Il-Ministru Michael Falzon qal li t-tqassim tal-ġid se jkompli biex b’hekk inħejju lil Malta tal-lum u t’għada billi nindirizzaw sfidi bħalma huma l-faqar u l-ambjent. 

Il-Ministru Michael Falzon irrefera għall-fatt li tjiebu l-pensjonijiet għar-raba’ sena konsekuttiva, wara li kienu ffriżati għall-25 sena sħaħ taħt gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti.  

Sostna li ż-żieda fil-pensjoni ta’ €4.17 f’dawn is-sentejn saret skont il-wegħda elettorali li matul din il-leġiżlatura jiżdiedu b’€8 fil-ġimgħa.

Spjega li l-pensjonanti kollha, bħala minimu, gawdew minn żidiet totali ta’ kwazi €12 fil-ġimgħa f’4 snin iżda minħabba l-eżerċizzju tar-reviżjonijiet li qed isir attwalment il-pensjonanti gawdew minn żidiet ogħla. 

Tant li kalkoli li saru biex jitkejjel it-titjib li sar bejn l-2016 u din is-sena wrew li l-pensjonanti gawdew minn żieda medja ta’ kwazi €19 fil-ġimgħa f’4 snin. 

Il-Ministru Michael Falzon irrefera wkoll għaż-żidiet fiċ-children’s allowance,  bl-ogħla rata żdiedet b’ €96 għal kull wild, liema rata titħallas lil tfal f’familji bi dħul baxx inkluż dawk li jaħdmu bil-paga minima nazzjonali. 

Din kienet l-ewwel żieda fiċ-children’s allowance lill-familji bi dħul baxx fi 11-il sena għal min għandu aktar minn wild wieħed u l-ewwel żieda fi 23 sena għal min għandu wild wieħed biss.  

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis spjega kif permezz t’ekonomija b’saħħitha, u l-impenn tal-Gvern fil-qasam soċjali, matul l-2019 ġew introdotti diversi miżuri li waslu biex il-ġid ta’ pajjiżna jkompli jinqasam u flimkien ngħixu s-suċċess ta’ pajjiżna. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis għamel referenza għal żewġ żdidiet fl-allowances għal persuni b’diżabilità, li ħallew impatt pożittiv fuq il-familji Maltin u Għawdxin. L-ewwel miżura kienet fl-allowance tat-tfal b’diżabilità li żdiedet għal €25 fil-ġimgħa, filwaqt li t-tieni kienet dik tal-allowance għal persuni b’diżabilità severa, li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol, li żdiedet minn €140 għal €150 fil-ġimgħa. 
 
Apparti s-sostenn finanzjarju, is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza ta’ servizzi ta’ sapport li kompla jżied fuqhom dan il-Gvern, bħalma hu s-servizz ta’ respite, sabiex familji tal-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ tagħhom.