Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Tidħol fis-seħħ il-Liġi għall-Protezzjoni tal-Minuri

Reference Number: PR191596, Press Release Issue Date: Jul 18, 2019
 
Daħħlet fis-seħħ il-Liġi għall-Protezzjoni tal-Minuri, liġi li se tkun qed tipprovdi ordnijiet għall-protezzjoni tal-minuri, u li tistabbilixxi ħarsien alternattiv u protezzjoni xierqa għall-istess minuri.

L-għan ta’ dan l-Att huwa li f’kull mument għandu jkun imħares, protett u mogħti prijorità l-aqwa interess tal-minuri li jkunu mċaħħda mill-ħarsien tal-ġenituri jew li huma f’riskju li hekk jiġu mċaħħda. Dan filwaqt li tkun assigurata l-permanenza tal-kura mogħtija lill-minuri fl-iqsar żmien possibbli.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu. Il-Ministru Michael Falzon elenka numru ta’ bidliet li saru riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq xhur.

Fil-fatt, permezz ta’ dan it-tibdil, meta minur ijkun ilu fil-kura u kustodja ta’ foster carers għal aktar minn ħames snin, il-foster carer, issa, jista’ jitlob li jadotta. 

Punt ieħor importanti huwa illi f’ċirkostanzi straordinarji u biss wara tliet Review Reports pożittivi dwar il-fostering ta’ dak il-minuri, il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja tista’ tilqa’ talba għall-adozzjoni tal-minuri anke jekk il-minuri  jkun ilu fil-kura u kustodja tal-foster carer għal tliet snin. 

Adozzjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi għandha tingħata bil-kundizzjoni li d-drittijiet ta’ aċċess għal dak il-minuri jkunu kemm jista’ jkun miftuħa għall-ġenituri bioloġici u għall-aħwa, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.
  
Permezz ta’ din il-liġi, issa se jingħata d-dritt lil ġenituri jew dak li għandhom kustodja tat-tfal, biex jappellaw mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ittieħdet fil-konfront tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-konsulent ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, l-Avukat Andy Ellul, stqarr li se jissaħħaħ ukoll il-Bord  ta’ Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri. Tant li minn issa, f’dan il-Bord  għandu jkun hemm chairperson li jkollu warrant ta’ avukat, jew professjonist ieħor bil-warrant fil-qasam soċjali u li jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali fil-liġi tal-familja jew tal-minuri, jew ikun espert fil-qasam soċjali u ħadem fl-istess qasam għal minn tal-anqas ħames snin.

Din il-liġi se tara wkoll li fost oħrajn jinbena ċentru terapewtiku professjonali għal minuri li jesebixxu attitudni konfrontiva u diffiċli, u li permezz ta’ team ta’ professjonisti u ambjent xieraq jingħataw edukazzjoni u tagħlim xieraq.

Intant il-Ministru Michael Falzon, faħħar lil dawk kollha li kellhom sehem matul il-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-sehem tal-Oppożizzjoni, li tul il-mixja ta’ dan l-Att, ikkonsultaw b’mod attiv u matur.​