Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirċievi rikonoxximent internazzjonali

Reference Number: PR191063, Press Release Issue Date: May 16, 2019
 
Id-Dipartim​ent tas-Sigurtà Soċjali ngħata Ċertifikat ta’ Mertu b’Referenza Speċjali mingħand l-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà Soċjali (ISSA), f’kompetizzjoni internazzjonali dwar proġetti soċjali. Dan l-unur ingħata b’konnessjoni mal-pakkett ta’ miżuri tal-gvern imsejjaħ ‘Making Work Pay’ immirati biex jippremjaw il-bżulija u jnaqqsu id-dipendenza soċjali.

Id-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali Grazio Barbara u d-Direttur għall-Osservanza ta’ Benefiċċji George Cremona, irċevew dan l-unur f’isem il-Ministeru. Huma taw preżentazzjoni dwar il-pakkett ta’ miżuri li wasslu għal dan is-suċċess lil delegati minn madwar id-dinja kollha, f’ċerimonja li saret f”Baku l-Ażerbajġan. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Marcelo Abi-Ramia Caetano sejjaħ l-impatt pożittiv ta’ dawn il-miżuri bħala kisba mportanti fl-istrateġija li tħajjar benefiċċjarji soċjali jfittxu impjieg u ma jibqgħux dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. 

Il-ġurija magħmula minn professjonisti fil-qasam tas-sigurtà soċjali qalet illi il-miżuri li qed tieħu Malta biex jitnaqqas il-faqar huma innovattivi speċjalment dawk tat-tapering, għaliex qed jgħinu lil persuni differenti jimxu lejn impjieg u ma jibqgħux jiddependu fuq is-servizzi soċjali. 

Il-Ministru għall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon esprima is-sodisfazzjon tiegħu għall-għotja ta’ dan l-unur filwaqt li sostna li l-gvern se jibqa’ kommess li jgħin lil batut u lil vulnerabbli.

Dr Falzon qal illi skont l-aħħar ċifri tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali n-numru ta’ persuni fuq għajnuna soċjali llum ilaħħaq madwar 6,600 – tnaqqis ta’ aktar minn 4,000 f’sitt snin. L-għadd ta’ dawk li jirċievu l-Għajnuna għal Diżimpjieg waqa’ minn 4,330 fl-2013 għal ftit aktar minn 700. 

“Tnaqqis verament inkoraġġanti u ta’ sodisfazzjon fost dawk l-aktar vulnerabbli meta wieħed iqis ukoll li minn dawk li daħlu fl-iskema tat-tapering, 80 fil-mija baqgħu jaħdmu wara li temmew it-tliet snin fl-iskema u ma baqgħux jieħdu benefiċċji. Tnejn minn kull tlieta minn dawn huma nisa,” temm jgħid il-Ministru Falzon. 

 ​