Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Ċelebrazzjoni ta’ 63 sena ta’ sigurtà soċjali f’Malta

Reference Number: PR190962, Press Release Issue Date: May 06, 2019
 
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, qed jiċċelebra t-63 minn meta beda jopera f’Malta.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon indirizza lill-media bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, u rrefera għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bħala l-qalb ta’ dan il-ministeru.

Il-Ministru Michael Falzon għamel referenza għal kif żdiedet in-nefqa soċjali b’€6 miljun fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2018 – dan fl-istess waqt li wkoll naqsu n-nies dipendenti fuq benefiċċji soċjali.

Saret referenza wkoll għal miżura tal-baġit riċentament implimentata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, biex b’hekk se tkun qiegħda titwettaq fażi oħra tar-riforma fl-Assistenza għal Diżabilità. Din il-miżura se twassal biex persuni b’diżabilità severa u li assolutament ma jistgħux jaħdmu, jibdew jieħdu l-ekwivalenti tal-paga minima.

Fil-fatt, permezz ta’ din il-bidla, il-pagament  fil-ġimgħa ta’ din l-għajnuna se jiżdied minn €140 għal €150 fil-ġimgħa. Din l-iskema issa ġiet estiża għal 600 persuna oħra billi barra l-indiċi ta’ ‘Barthel’, li japplika għal persuni bi problemi ta’ mobilità, se tintuża wkoll dik li hi magħrufa bħala ‘Tabelli għal Valutazzjoni ta’ Indeboliment’. 

Il-Ministru Michael Falzon fakkar ukoll fil-One-Stop-Shop Hub, Ċentru Servizz Familja, fil-Furjana, fejn issa l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qed joffri s-servizzi kollha tiegħu taħt saqaf wieħed. Dan jixhed l-impenn li jingħata servizz ta’ kwalità lill-familja fid-diversi forom tagħha, speċjalment dawk il-forom l-aktar vulnerabbli.

Intant, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, se jkompli bl-attivitajiet tiegħu mifruxa ma’ Malta sabiex joħloq għarfien dwar ix-xogħol kontinwu ta’ dan l-ikbar dipartiment tal-Gvern.  ​