Stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi: Ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Marzu 2019

Reference Number: PR190440, Press Release Issue Date: Mar 05, 2019
 
Kif diġà tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi fl-20 ta’ Frar 2019, l-Accountant General qiegħed iniedi l-ħruġ ieħor tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta għall-anzjani li twieldu matul is-sena 1957 jew qabel. L-ammont tal-ħruġ se jkun ta’ €65,000,000 soġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta’ €35,000,000 f’każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ. 

It-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta jgħaddi mgħax b’rata fissa ta’ 3% fis-sena għall-perjodu kollu ta’ ħames snin sakemm idum il-Bond, li jimmatura fis-sena 2024. Il-Bond se jinħareġ b’parità f’unitajiet ta’ €100 u ma jistax jiġi nnegozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan. 

L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b’lura fl-20 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Settembru ta’ kull sena matul il-kors tal-Bond. Detenturi tal-Bond jistgħu jiġbdu l-ammont kollu investit qabel id-data tal-maturità soġġet għall-ħlas ta’ penali għall-fidwa bikrija ekwivalenti għall-tliet (3) xhur imgħax gross fuq il-kapital miġbud bir-rata ta’ mgħax li jgħaddi l-Bond. 

Applikazzjonijiet minn investituri eliġibbli għall-ammont minimu ta’ €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna jiftħu fit-8:30 a.m nhar l-Erbgħa, it-13 ta’ Marzu, 2019 u jagħlqu l-għada fil-5:00 p.m. tal-Ħamis, l-14 ta’ Marzu, 2019 jew qabel fid-diskrezzjoni tal-Accountant General. Is-sottoskrizzjonijiet fil-Bond iridu jsiru f’isem applikant wieħed biss.

Applikanti eliġibbli ġodda tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta magħmula minn (i) individwi li twieldu fl-1957 u (ii) individwi li kienu eliġibbli li japplikaw fil-ħruġ tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li nħarġu fl-2017 u fl-2018 iżda ma applikawx, jistgħu jniżżlu l-formola minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor (www.treasury.gov.mt) jew jiksbuha minn u jissottomettuha għand l-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati u fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ investment. L-allocation policy se tagħti preferenza lill-applikanti l-ġodda li sa issa għadhom ma nvestewx fit-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li nħarġu fis-sentejn li għaddew.

L-individwi li pparteċipaw fil-ħruġ tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li nħarġu fis-snin 2017 u 2018 huma wkoll eliġibbli li japplikaw. Għalhekk dawn l-individwi se jirċievu ittra ta’ tagħrif u formola ta’ applikazzjoni bid-dettalji tagħhom mingħand l-Accountant General.  Id-detenturi eżistenti tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li huma interessati li japplikaw għall-ħruġ il-ġdid tat-62+ Savings Bond għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għand l-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati u fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ investment. 

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-prospett li issa jista’ jitniżżel ukoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor www.treasury.gov.mt.​