Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u mill- Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: 80% tal-ħaddiema li bbenefikaw mill-iskema tat-tapering tal-benefiċċji għadhom fid-dinja tax-xogħol

Reference Number: PR190266, Press Release Issue Date: Feb 11, 2019
 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon indirizzaw konferenza organizzata minn Jobsplus intitolata ‘Making Work Pay Tapering of Social Benefits’.

Rapport marbut fuq il-politika ta’ making work pay li tħabbar waqt din il-konferenza juri riżultati pożittivi bi tmenin fil-mija tal-ħaddiema li bbenefikaw mill-iskema tat-tapering tal-benefiċċji għadhom fid-dinja tax-xogħol.
Il-mod kif id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibqa’ jħallas il-benefiċċju għal medda ta’ tliet snin b’persentaġġ ta’ 65 fil-mija fl-ewwel sena, 45 fil-mija fit-tieni sena u 25 fil-mija fit-tielet sena kienet ta’ għajnuna kbira fost il-persuni li fl-istess ħin li daħlu fid-dinja tax-xogħol baqgħu jirċievu minn għajnuniet soċjali. 
F’każ li wħud għandhom it-tfal u wara tliet snin jieqfu milli jibbenifikaw mill-inċentiv tat-tapering imbagħad bdew b’għajnuna oħra tal-in-work benefit. Din il-miżura jidher li niżlet tajjeb ukoll fejn dawn il-persuni baqgħu fl-impjieg tagħhom.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo tenna li t-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali jimxu id f’id u jinvolvu l-investiment, viżjoni u strateġija biex imbagħad il-politika tiġi implimentata b’suċċess bħal fil-każ tal-miżuri li ħa dan il-Gvern fl-aħħar snin f’għajnuna soċjali u li minnhom ibbenifikaw bosta persuni li kellhom u li għad għandhom bżonn.
 
Il-Ministru Bartolo wera s-sodissfazzjon tiegħu lejn ix-xogħol u l-viżjoni ta’ Jobsplus f’dan il-qasam u l-partijiet interessati kollha involuti li wara ħafna diskussjonijiet u ideat titfassal il-politka li tirrigwardja għajnuna u ħajja aħjar għal minn għandu bżonn u li issa qed naqtgħu l-frott ta’ din il-ħidma sfieqa.
 
Il-Ministru Bartolo issuġġerixxa li l-pass li jmiss huwa li jitħejja eżerċiżżju li jinvolvi analiżi u riflessjoni fuq l-effett ta’ tfal meta l-ġenituri tagħhom huma mingħajr impjieg, fejn dawn ikunu nieqsa minn aspirazzjonijiet u l-effetti li jħallu fuq it-tfal inkluż l-imġieba tagħhom u l-livell edukattiv tagħhom.
 
Il-Ministru għall-Familja għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal is-suċċess tat-tapering of benefits qed jinħass b’mod tanġibbli, tant li naqsu bin-nofs in-nies fuq għajnuniet soċjali kif ukoll in-nefqa fuq benefiċċji soċjali, bit-taxpayer jiffranka €24 miljun fi ħlasijiet ta’ dawn l-istess benefiċċji.

Il-Ministru Falzon qal li qabel l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri, kien jiltaqa’ ma’ ħafna persuni li ma jaqbilhomx jidħlu fid-dinja tax-xogħol, iżda l-introduzzjoni tat-tapering biddlet dan ix-xenarju kollu.
 
Il-Ministru Falzon irrefera għas-sitwazzjonijiet li jmorru lura għall-2012, fejn kien hemm kważi għaxar t’elef (9,775) persuna fi bżonn t’għajnuniet soċjali, u dawn niżlu għal sitt elef, tmien mija u erbgħin f’Diċembru tal-2018, tnaqqis ta’ kważi tlett elef persuna. 
 
Irrefera wkoll kif is-sistema tat-tapering għenet l-aktar lil dawk in-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, hekk kif sebgħa minn kull għaxra li bbenefikaw huma nisa. Il-Ministru qal li l-introduzzjoni tas-sistema tat-tapering of benefits bdiet f’numri relattivament żgħar (497) fl-2014 u telgħet għal 1,958 fl-2018. Dan kollu ifisser li l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi fehem li permezz tax-xogħol jista’ jgħix ħajja ta’ aktar kwalità.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Clyde Caruana spjega li biex persuna titħajjar toħroġ taħdem riedet minn tal-inqas €1,600 iktar mill-paga minima biex tikkunsidra tagħmel dan il-pass. Bir-riformi li saru f’dan ir-rigward, is-Sur Caruana qal li bejn l-2014 u l-2018 il-qgħad naqas b’iktar minn 75% filwaqt li l-għajnuna soċjali naqset b’20%. F’4 snin l-ammont ta’ nies li kienu dipendenti fuq l-għajnuna soċjali naqas b’40%.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus qal li f’4 snin dak li nkiseb f’Malta dam 17-il sena biex inkiseb fir-Renju Unit. Semma kif bejn l-2014 u l-2018, il-Gvern iffranka €24 miljun f’għajnuna soċjali. Dan ifisser li l-piż tal-għajnuna soċjali naqas bin-nofs għax minn 0.94% tal-PDG (prodott domestiku gross) fl-2014, is-sena li għaddiet kien qed jonfoq 0.45% tal-PDG.
 
Is-Sur Caruana kkonkluda li s-suq tax-xogħol qed ikompli jinbidel maż-żmien u l-isfidi t’għada mhumiex l-istess bħal dawk li kienu jiffaċċjaw s’issa. Għalhekk appella biex is-sistema tal-welfare għandha tibqa’ tevolvi maż-żminijiet.​
​​