Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Kjarifikazzjoni dwar l-pożizzjoni li ttieħdet rigward il-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal

Reference Number: PR190058, Press Release Issue Date: Jan 15, 2019
 
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal eżerċizzju ta' verifika u jikkjarifika l-pożizzjoni li ttieħdet rigward il-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal għal dawk li jitħallsu r-rata minima (flat rate) u li d-dħul tagħhom jaqbeż il-€25,045 fis-sena.
 
Minħabba l-fatt li minn tliet snin 'l hawn id-Dipartiment m'għadux jibgħat eluf ta' applikazzjonijiet kull sena lill-benefiċjarji biex jerġgħu japplikaw kif kien isir qabel, u minħabba l-fatt ukoll li l-pagamenti jidħlu direttament fil-kontijiet bankarji tal-benefiċjarji, inħasset il-ħtieġa li jintbagħat dokument li permezz tiegħu wieħed jaġġorna lid-Dipartiment bl-informazzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti li qed isiru qegħdin verament imorru għand min huwa eliġibbli.
 
Id-Dipartiment jixtieq jikkjarifika wkoll illi kull min ma rċeviex il-pagament ta' Diċembru 2018 se jkun qed jieħu il-pagament hekk kif jibgħat dan id-dokument lid-Dipartiment. Il-pagament tal-allowance tat-tfal se jkompli jinħareġ mingħajr tnaqqis fil-pagament li jkun dovut u mingħajr interruzzjoni.
 
Dawn il-benefiċjarji għandhom bżonn biss illi jimlew din l-informazzjoni u jibgħatuha lid-Dipartiment; mhemm l-ebda bżonn ta' dokumenti addizzjonali.
 
Min ma rċeviex dan id-dokument jew għal xi raġuni jew oħra ma jistax isibu jista' jimla l-applikazzjoni tal-Allowance tat-Tfal online jew iżur wieħed mill-uffiċċji tad-Dipartimenti tas-Sigurtà Soċjali madwar Malta u Għawdex.
 
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa obbligat li jagħmel dawn it-tip ta' eżerċizzji. Sfortunatament, inqalgħu xi diffikultajiet ma' ċertu nies li ma avżawx lid-Dipartiment bit-tibdil fiċ-ċirkostanzi li kellhom bħal tibdil ta' indirizz, jew għal xi raġuni oħra ma rċevewx dan id-dokument, u allura id-Dipartiment ma kellux informazzjoni aġġornata.
 
Ta' min ifakkar li huwa fl-obbligu ta' kull benefiċjarju li javża lid-dipartiment b'kull tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu.
 
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħmel l-almu tiegħu biex kemm jista' jkun ikun pro-attiv bħal meta ttieħdet id-deċiżjoni li ma jintbagħtux aktar applikazzjonijiet li kien ta' inkovenjent kbir għall-benefiċjarji. Minkejja dan, ikun hemm sitwazzjonijiet oħra li tkun meħtieġa l-koperazzjoni tal-benefiċjarji biex il-pagamenti jibqgħu jitħallsu regolari u mingħajr waqfien.
 
Għal aktar tagħrif wieħed jista' anke jċempel fuq freephone 153.​​