Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: €9 miljuni f’pagamenti taċ-‘children’s allowance’

Reference Number: PR182655, Press Release Issue Date: Dec 06, 2018
 
“Dan huwa gvern li jżomm kelmtu, u xhieda ta’ dan huwa l-għoti ta’ pagamenti taċ-children’s allowance li se jibdew  jintbagħtu minn nhar is-Sibt,15 ta’ Diċembru. Ifisser li l-ewwel tliet xhur tas-sena 2019 se jfissru kważi €9m fil-bwiet ta’ 42,000 familja u b’total ta’ 63,000 wild”. Stqarr dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li tat ħarsa lejn l-għoti ta’ children’s allowance.

B’hekk, minn Jannar se jibdew jingħataw żidiet fiċ-children’s allowance, u għall-ewwel darba fi ħdax-il sena (u anke f’ċertu każijiet 23 sena), se tiżdied ċ-children’s allowance għall-familji, bi dħul gross ta’ anqas minn €20,000 fis-sena.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù spjega kif 8,100 familja (12,200 wild) se jkunu qed jieħdu żieda diretta fir-rata li tvarja sa massimu ta’ €96 fis-sena kull wild – dawn jinkludu kemm ġenituri fuq il-benefiċċji soċjali kif ukoll ġenituri li jaħdmu.

Is-Segretarju Permanenti spjega li b’kollox, 12,500 familja (18,800 wild) se jibbenefikaw minn żidiet diretti jew indiretti fiċ-children’s allowance. Dan filwaqt li 1,330 familja (kważi 1,400 wild) se jieħdu wkoll żieda ta’ €260 fis-sena fl-allowance għal tfal b’diżabilità.

Intant, matul is-sena kurrenti ingħatat żieda wkoll fil-foster care allowance b’€1,560 fis-sena.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li dan kollu juri l-impenn tal-gvern biex l-ebda tifel u tifla ma  jispiċċaw f’riskju ta’ faqar, jekk minn tal-anqas ġenitur wieħed ikun jaħdem. 

Il-Ministru Michael Falzon kkonkluda billi qal li din hija politika li verament tifhem il-bżonnijiet neċessarji ta’ familji li jsibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja. Dan kollu jagħti aktar enerġija u jsaħħaħ l-impenn tal-gvern f’dan is-settur. “Kommessi li nkomplu nagħtu aktar għajnuna biex verament ngħixu f’soċjetà ġusta. B’hekk biss ngħixu l-kunċett ta’ prosperity with a purpose”, temm jgħid il-ministru.