L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

EN Flag.png

Persuni eliġibbli jistgħu jissottomettu talbiet għall-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) lill-Awtoritajiet Pubbliċi kollha, inklużi dawk elenkati taħt il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal. It-talbiet iridu jkunu bil-miktub fuq il-formoli preskritti u għandhom jitwasslu f'uffiċċju tal-Awtorità Pubblika, elettronikament - permezz ta' imejl jew permezz tas-sit elettroniku www.foi.gov.mt, jew manwalment jew bil-posta. 

SOTTOMISSJONI TA' TALBA / ILMENT

Persuni Eliġibbli

Biex tkun eliġibbli tissottometti talba tal-FOI, persuna trid tkun residenti f’Malta u li ilha hekk residenti f’Malta għal perjodu ta’ mhux anqas minn 5 snin. Trid tkun ukoll ċittadina Maltija jew ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadina ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Talba għal Dokument / Informazzjoni

Formoli apposta għal Talba għal Dokument / Informazzjoni jistgħu jinkisbu minn dan is-sit elettroniku jew mill-websajt tal-Libertà tal-Informazzjoni fuq www.foi.gov.mt. Jistgħu jinkisbu wkoll mid-diversi Awtoritajiet Pubbliċi (jew billi ċċempel fuq is-sit jew permezz tal-websajts rispettivi tagħhom). L-applikanti jistgħu jissottomettu talba direttament permezz tal-portal indikat hawn fuq jew permezz tae-ID jew billi jimlew l-applikazzjoni onlajn.

Informazzjoni Mitluba

Meta titressaq Talba għal Dokument / Informazzjoni, l-applikant għandu jagħti d-dettalji personali tiegħu bħal, in-numru tal-Karta tal-Identità jew il-permess tar-residenza, in-numru tat-telefon kif ukoll l-indirizz elettroniku tiegħu. Dawn id-dettalji huma meħtieġa, fost affarijiet oħra, sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni mal-Awtorità Pubblika. L-applikant għandu jindika dawk id-dokumenti / l-informazzjoni li jixtieq. Għandu wkoll juri l-mod kif huwa jixtieq jirċievi d-dokument / l-informazzjoni mitluba.

Tipi ta’ Talbiet

Wieħed jista’ jitlob kull dokument li qed jinżamm mill-Awtorità Pubblika mingħajr ma jagħti raġuni jew ġustifikazzjoni għat-talba tiegħu. Fil-każ ta’ dokumenti illi huma reġistrazzjoni ta’ ħsejjes u immaġini viżwali, l-Awtorità Pubblika tista’ tagħmel arranġamenti għall-applikant sabiex jisma’ dawk il-ħsejjes jew jara l-immaġini viżwali. Sakemm ikun possibbli, aċċess għad-dokument għandu jkun provdut skont il-preferenza tal-applikant.

L-applikanti jistgħu jitolbu dokumenti jew informazzjoni dwar deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Awtorità Pubblika dwarhom. F’dawn il-każijiet, it-talba għandha tiġi magħmula fi żmien 6 xhur mid-deċiżjoni jew mir-rakkomandazzjoni rilevanti. Jekk ikun għadda ż-żmien, mid-data meta tittieħed id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni rilevanti u d-data meta l-persuna ssir taf bid-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni, is-6 xhur japplikaw mid-data meta l-persuna ssir taf bid-deċiżjoni jew bir-rakkomandazzjoni.

Tweġibiet mill-Awtoritajiet Pubbliċi

L-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom iwieġbu kull talba għad-dokumenti u għall-informazzjoni. Għandha tinħareġ ittra mill-Awtorità Pubblika tikkonferma li hi rċiviet l-applikazzjoni. L-Awtorità għandha wkoll tindika jekk it-talba tkunx ser tiġi aċċettata jew le skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Cap. 496.) malajr daqskemm raġenevolment prattikabbli, f’kawlunkwe każ mhux aktar tard minn 20 ġurnata ta’ xogħol. Dan iż-żmien jista’ jkun estiż sa 40 ġurnata ta’ xogħol skont Arikolu 11 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Cap. 496.), f’liema każ l-applikant jingħata avviż tal-estensjoni u raġunijiet dwarha.

Proċessar tat-talba

Ġaladarba jkun stabbilit li t-talba għall-dokument u informazzjoni hija tajba skont il-Libertà tal-Informazzjoni, l-Awtorità jkun imissha tiddeċiedi jekk hiex f’qagħda li tilqa’ it-talba b’mod sħiħ jew parti minnha jew tirrifjuta t-talba li tkun saret. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, l-Awtorità Pubblika trid tikkunsidra jekk l-eżenzjonijiet fil-liġi japplikawx għad-dokument jew għall-informazzjoni mitluba. L-Awtorità Pubblika għandha tavża jekk it-talba hiex aċċettabbli jew le fi żmien 20 ġurnata xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba, sakemm ma testendix iż-żmien għal 40 ġurnata.

L-Awtorità Pubblika tivverifika wkoll jekk id-dokument / informazzjoni mitluba hux qed tinżamm għandha. Jekk dan ma jkunx il-każ, din l-Awtorità Pubblika tfittex li tidentifika l-entità xierqa li lilha għandha tiġi sottomessa t-talba u tittrasferixxi din l-applikazzjoni kif xieraq (tinforma lill-applikant fil-proċess). Jekk ma tkun identifikata l-ebda entità alternattiva (jiġifieri li d-dokument / informazzjoni ma tistax tiġi ntraċċata f'ebda Awtorità Pubblika) l-applikant jiġi mgħarraf b'dan.

Ħlasijiet

L-Awtoritajiet Pubbliċi jistgħu jitolbu ħlas sabiex ikopru l-ispejjes tagħhom. Dawn il-ħlasijiet għandhom jintalbu skont ir-Regolamenti tal-2010 dwar Ħlasijiet Imposti mill-Awtoritajiet Pubbliċi għall-Aċċess għal Dokumenti (Avviż Legali 158/2010) u m’għandhomx qatt jaqbżu l-massimu ta’ €40. M’għandu jintalab ebda ħlas ieħor għal applikazzjonijiet jew talbiet għal dokumenti jew għal informazzjoni, kif ukoll, għal ilmenti jew għal rikors.

Ilmenti

L-applikant għandu dritt iressaq ilment lill-istess Awtorità Pubblika fi żmien massimu ta’ 30 ġurnata xogħol mid-data tal-aħħar komunikazzjoni magħmula mill-Awtorità Pubblika. Ilmenti sussegwenti u differenti fuq l-istess talba jistgħu biss jiġu sottomessi lill-Awtorità Pubblika wara li l-istess Awtorità tkun wieġbet l-ilment oriġinali jew wara li jgħaddu 10 ġranet ta’ xogħol mid-data tas-sottomissjoni tal-ilment.

L-ilmenti għandhom isiru għal dawn ir-raġunijiet:​

  • Meta t-talba għall-informazzjoni ma titqies li hija talba skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI),
  • L-Awtorità Pubblika titlob estenzjoni tal-perijodu ta’ 20 ġurnata ta’ xogħol kif preskritti fl-Att, bil-ħsieb li       tindika jekk it-talba għad-dokument / informazzjoni tkunx milqugħa jew le
  • Fl-eventwalità, li l-Awtorità Pubblika timponi ħlas meqjus eċċessiv
  • Id-dokument mhux provdut fil-format mitlub, jew
  • Meta t-talba għad-dokument / informazzjoni tkun rifjutata​
 
Jekk, sussegwentement, l-applikant ma jibqax sodisfatt bir-risposta li jingħata, L-Att dwar Il-Libertà tal-Informazzjoni jintitola lill-applikant li jressaq ilment jew li jfittex li ssir investigazzjoni u rikonsiderazzjoni mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, fi żmien 60 ġurnata ta’ xogħol mid-data ta’ notifika lil Awtorità Pubblika. Meta l-applikant jibqa’ mingħajr risposta sodisfaċenti, huwa jista’ jirrikorri għat-Tribual dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi żmien 20 ġurnata ta’ xogħol mill-aħħar komunikazzjoni rilevanti mill-IDPC u sussegwentament, għall-Qorti tal-Appell fi żmien 30 ġurnata ta’ xogħol mill-aħħar komunikazzjoni rilevanti mit-Tribual dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

Proċedura Interna dwar Ilmenti

Ilment jista’ jiġi ppreżentat billi timtela l-Applikazzjoni dwar Ilment u tintbgħat lill-uffiċjal pertinenti tal-Libertà tal-Informazzjoni. Wara, l-applikant jiġi infurmat dwar ir-riżultat tal-ilment tiegħu kif ukoll fuq il-possibbiltà li jsir appell mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikoli 9 u 23 tal-Att dwar Il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496.).

Jista’ jkollok aċċess għal dawn id-dokumenti msemmija hawn taħt minn din il-link: 

·            L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

·            Talba għal Dokument / Formola għal Informazzjoni

·            Applikazzjoni dwar Ilment lill-Awtorità Pubblika

·            Applikazzjoni dwar Ilment lill-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data

 Awtoritajiet pubbliċi taħt il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal​


Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
Direttorat għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza

Informazzjoni skont Artikolu 17 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496.) tista` ssibha billi tidħol fuq il-links t’hawn fuq jew billi tikkuntattja:

L-Uffiċjal Prinċipali tal-Libertà tal-Informazzjoni

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal
Palazzo Ferreria
310, Triq ir-Repubblika
Il-Belt Valletta VLT 1110 ​​​​​​​​​​​​​​​​​​​
 ​​